L-inċentivi li nagħtu favur qalbiet ambjentali jagħtu wkoll l-opportunità lill-konsumaturi jagħmlu għażliet importanti.
Dan kien il-messaġġ li għadda l-Prim Ministru Robert Abela fix-showroom ta’ Michael Debono Ltd. fl-okkażjoni li mmarkat aktar minn sittin sena ta’ sħubija bejn il-kumpanija Maltija u dik Ġappuniża, Toyota.
F’indirizz li għamel, Dr Abela nnota kif l-aħħar ċifri uffiċjali juru żieda ta’ 7% fir-reġistrar ta’ vetturi li jniġġsu anqas.
Il-Prim Ministru Abela qal li l-inċentivi b’saħħithom li kompla jagħti l-Gvern anki fil-baġit favur l-investiment f’vetturi li jniġġsu anqas, joħolqu wkoll ambjent fejn dawn it-tip ta’ vetturi jkunu aktar affordabbli għall-konsumaturi Maltin u Għawdxin.
Dr Abela saħaq li rridu nkomplu niċċentivaw favur l-użu ta’ vetturi elettriċi, waqt li għaddej ix-xogħol fl-installazzjoni ta’ charging points madwar il-pajjiż. Saħaq li pajjiżna joffri uħud mill-aqwa rati għaċ-charging tal-vetturi elettriċi.
Il-Prim Ministru aċċenna li din il-qalba ambjentali mhiex waħda ta’ konvenjenza iżda waħda strateġika favur li jintlaħaq l-għan biex Malta tkun carbon neutral.
Dr Abela qal li l-kumpanija Maltija hi wkoll eżempju tal-imprenditorjat Malti li qed jagħmel suċċess. Innota wkoll l-enfasi fuq is-sostenibbiltà u d-diversifikazzjoni tan-negozju f’setturi diversi. Il-kumpanija tagħti importanza wkoll lit-taħriġ tal-ħaddiema.
Huwa temm jawgura lit-tmexxija ta’ din il-kumpanija u fisser kif b’kollaborazzjoni kollettiva nistgħu nġibu bidla favur is-sostenibbilità f’aspetti differenti li minnha jgawdi kulħadd.