Roberta Metsola qed tirrifjuta dibattiti ma’ kandidati bħalha għall-Parlament Ewropew u, biex jipprova jaħbi dan il-fatt, il-Partit Nazzjonalista ħareġ bi spin dwar direttiva tal-Awtorità tax-Xandir.
Id-direttiva, mibgħuta lill-istazzjonijiet bħal f’kull elezzjoni, tgħid li, b’rabta mal-Parlament Ewropew, ir-rapportaġġ għandu jkollu valur ta’ aħbar. Dwar dan il-Partit Nazzjonalista ħareġ stqarrija biex jgħid li Metsola qed tkun iċċensurata.
Id-direttiva tkun approvata mill-bord tal-Awtorità tax-Xandir, li fuqu jpoġġu Charlò Bonnici u Peter Fenech, li huma nnominati mill-Partit Nazzjonalista stess, u fiha mkien ma jingħad li Metsola jew ix-xogħol tal-Parlament Ewropew m’għandux ikun irrrapportat.
Iżda l-Partit Nazzjonalista ħareġ jgħid mod ieħor.
Sorsi fid-Dar Ċentrali sostnew li din kienet mossa strateġika bil-għan li l-Partit Nazzjonalista jaħbi l-fatt li, s’issa, Roberta Metsola ma marritx imqar dibattitu wieħed ma’ kandidati oħrajn għall-Elezzjoni tal-Parlament Ewropew.
Il-kandidati li se jikkontestaw l-elezzjoni tat-8 ta’ Ġunju qed ikunu mistiedna għal dibattiti kontinwament, iżda Metsola ma dehritx mqar f’wieħed minnhom.
Il-Membru tal-Parlament Ewropew Alex Agius Saliba żvela li hu kien mistieden għal dibattiti ma’ Roberta Metsola, iżda rrifjutat li tattendi. Fost oħrajn kien hemm it-Times of Malta u l-MaltaToday li għamlu din it-tip ta’ stedina.
“L-iskuża li hi President u, għaldaqstant, li ma tiddibattix ma treġix, għax wara li joħroġ ir-writ tal-elezzjoni kemm jien u kemm Metsola nispiċċaw kandidati ugwali,” enfasizza Agius Saliba.
Alex Agius Saliba rrefera għal kummenti li għamel Peppi Azzopardi bbażati fuq l-istqarrija tal-Partit Nazzjonalista u tenna: “Anzi tista’ wkoll torganizza dibattitu bejnietna int stess.”
Il-kandidat Laburista għalaq billi staqsa jekk ir-regoli ma jgħoddux l-istess għal kulħadd. “Jew ir-regoli li jgħoddu għal Alex m’għandhomx jgħoddu għal Madame President?” insista Agius Saliba.