Is-setturi tal-informazzjoni u t-teknoloġija tal-komunikazzjoni, it-tisħiħ fis-servizzi finanzjarji waslu għat-tkabbir ekonomiku li qed jesperjenza pajjiżna, differenti minn bosta pajjiżi oħrajn. Dan flimkien mal-impatt pożittiv tal-investiment dirett barrani, li baqa’ għaddej b’saħħtu, il-progress fil-qasam tar-riċerka u l-innovazzjoni u t-titjib fis-settur edukattiv.
Dan joħroġ mir-rapport annwali tal-Bord Nazzjonali tal-Produttività, li tnieda waqt konferenza li preżenti għaliha kien hemm is-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali, Andy Ellul.
Dan ir-rapport jagħmel ukoll għaxar rakkomandazzjonijiet biex jiġi aċċertat li pajjiżna jibqa’ jsaħħaħ l-ekonomija tiegħu, kif ġara f’dawn l-aħħar snin.
Il-Perit David Xuereb, Chairperson tal-Bord Nazzjonali tal-Produttività u anke tal-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali, l-MCESD, kompla jispjega dwar dan.
“Ta’ x’għandna bżonn nagħmlu biex ngħollu l-produttività tal-pajjiż u wara kellna l-opportunità li mhux biss nistudjaw x’missna nagħmlu, imma ġejna ispirati minn dawk in-nies li diġà dan qegħdin jagħmluh u allura seta’ jirrealizza li dak li qed noħolmu li għandna bżonn nagħmlu biex insiru aħjar, fil-fatt jista’ jsir u tajna eżempju kif dan fil-fatt sar.”
Fl-indirizz tiegħu waqt din il-konferenza, is-Segretarju Parlamentari Ellul innota b’sodisfazzjon kemm dan ir-rapport jindika biċ-ċar kemm il-politika tal-Gvern sejra fid-direzzjoni t-tajba.
“Inħares ’il quddiem biex flimkien mal-membri ta’ dan il-bord u l-imsieħba soċjali nkomplu nevalwaw ir-rakkomandazzjonijiet biex, fl-aħħar mill-aħħar, inkomplu nkattru l-ekonomija ta’ pajjiżna biex jissaħħu l-familji Maltin u Għawdxin, u nkunu nistgħu, bħala Gvern, nibqgħu ta’ sapport għan-negozji tagħna.”
Waqt din il-konferenza kien hemm diskussjoni minn diversi persuni u intraprendituri involuti fis-suq tax-xogħol.