“Agħmlu dawn l-inizjattivi tagħkom! Agħmlu t-tmexxija tagħkom! Kunu parteċipattivi f’kull livell tas-soċjetà tagħna, fil-livelli kulturali, sportivi, ambjentali, f’dak kollu li jgħaqqad lis-soċjetà tagħna! Emmnu li dan il-pajjiż hu wieħed li joffri opportunitajiet sbieħ lil kulħadd! Kunu intom iċ-ċavetta ta’ dawk l-opportunitajiet! Jien nixtieq nirringrazzjakom minn qalbi ta’ dan l-eżempju sabiħ li qed tagħtu lilna.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Dan kien il-messaġġ li għadda l-Prim Ministru Robert Abela meta indirizza seduta Parlamentari speċjali fil-preżenza ta’ bosta studenti tal-EkoSkola.
Hawnhekk il-Prim Ministru laqa’ l-impenn ta’ dawn it-tfal, biex ikun hemm socjetà attiva u li taħseb f’kulħadd, biex taħdem għall-futur aħjar.
Hu nnota bosta inizjattivi li ħa l-Gvern, immexxi minnu, fosthom dak ta’ trasport tal-baħar fil-Kottonera, Tas-Sliema u l-Belt Valletta, li hu bla ħlas għal dawk li jużaw it-Tallinja Card. Semma wkoll inizjattivi, li qed jittieħdu fl-iskejjel, fosthom aktar tħawwil ta’ siġar, aktar riċiklaġġ u azzjonijiet biex ikun hemm inqas ħela tal-ilma – li kollha jġibu bidla fil-mentalità.
Hawnhekk il-Prim Ministru fakkar f’aktar deċiżjonijiet ambjentali li ttieħdu mill-Gvern, bħal dik fir-riċiklaġġ ta’ fliexken tal-plastik, it-tnedija ta’ skema ta’ kontenituri li jerġgħu jintużaw fi ħwienet u r-riforma fl-immaniggjar tal-iskart.
“Kellna ċirkostanza fejn żewġ miżbliet, qed insemmi Wied Fulija u l-Qortin, minn żewġ miżbliet ħloqna spazji miftuħa u ġodda. Huma dawn it-tip ta’ inizjattivi li, flimkien magħkom, jien irrid nibqa’ nara li nieħdu għal dan il-pajjiż. U għalhekk li vera li mhix faċli tibdel dak li aħna mdorrijin bih, imma meta nara tant persuni, bħalkom, li l-bidla ma jibżgħux minnha, anzi intom l-aġenti tal-bidla, hemmhekk fejn nagħmel kuraġġ li dan il-pajjiż jista’ jieħu aktar inizjattivi.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Matul din is-seduta, tkellmu bosta tfal minn skejjel differenti minn madwar Malta u Għawdex, fejn ippronew bosta inizjattivi, inkluż għal trasport sostenibbli.
Dawn it-tfal innotaw ukoll miżuri li ħa l-Gvern favur l-ambjent, fosthom it-trasport b’xejn għal kulħadd u l-inċentivi għall-karozzi elettriċi.
Sadanittant, f’din is-seduta Parlamentari, min-naħa tal-Gvern, tkellmu wkoll il-Ministru għall-Edukazzjoni Clifton Grima u d-Deputat Randolph De Battista.