Il-kandidata Laburista għall-Parlament Ewropew Claudette Abela Baldacchino saħqet li, min ħadem kontra Malta, ħaqqu risposta ċara.
“Min tassew ma jaċċettax li MEPs eletti f’isem Malta jaħdmu kontra Malta fl-istituzzjonijiet Ewropej, ma jistax jibqa’ d-dar fit-8 ta’ Ġunju,” saħqet Claudette Abela Baldacchino.
Fissret kif min ma jaħdimx favur Malta jkun qed jhedded il-kwalità tal-ħajja tal-Għawdxin u l-Maltin.
Il-kandidat Laburista, li diġà kellha esperjenza bħala Membru tal-Parlament Ewropew, qalet kif, fost il-mumenti diffiċli meta serviet fil-kariga, kien hemm meta kellha tikkumbatti l-ħsara kontra Malta minn Maltin bħalha.
“Kien il-perjodu meta l-pajjiż kellu Gvern Laburista wara bosta snin u bqajt mistgħaġba kif rajt MEPs li jħobbu lill-partit tagħhom aktar mill-pajjiż u kienu lesti jaħdmu kontra tiegħu. Ħasbu li jekk ifixklu lill-Gvern se jikber iċ-ċans tagħhom li jirbħuh lura. Ħsibt li, maż-żmien tgħallmu, imma minflok marru għall-agħar,” saħqet Abela Baldacchino.
“Marru għall-agħar, għax filwaqt li jikkundannaw lil Malta, imbagħad jiġġieldu l-ġlieda ta’ pajjiżi oħrajn, bħall-Bulgarija u l-Greċja, biex insemmi tnejn biss,” qalet Abela Baldacchino.
Saħqet li, għalhekk, min ma japprovax dan l-aġir, ma jistax jibqa’ d-dar fit-8 ta’ Ġunju.
“Dan aġir li ma nistgħux nibqgħu ċassi dwaru. Ma jistax ikun li fl-Unjoni Ewropea jkollna rappreżentanti li ma jġibux l-interessi ta’ Malta u l-Maltin l-ewwel u qabel kollox,” kompliet tgħid Abela Baldacchino, li spjegat kif l-uniku ħaġa li jinteressa l-MEPs tal-Partit Nazzjonalista hu l-poter.
“Kif deher ċar fi tmiem il-ġimgħa, meta esponenti ewlenin tal-Partit Nazzjonalista qalu li jridu jmorru tajjeb fl-elezzjonijiet ta’ Ġunju biex jibdew it-triq għal Kastilja,” temmet tgħid il-kandidata Laburista.