Grazio Barbara, Direttur Ġenerali tas-Sigurtà Soċjali, ħareġ stqarrija, permezz tal-avukti tiegħu, fejn ċaħad storja ppubblikata mill-MaltaToday dwar allegazzjonijiet ta’ tixħim b’rabta mal-każ li għaddej fil-Qorti dwar abbużi fil-benefiċċji soċjali.
L-istqarrija qalet li, fil-bidu tax-xhieda tiegħu fil-Qorti, Barbara spjega b’mod mill-aktar ċar li d-dekasteru, li hu responsabbli għalih, jinkludi fih ix-xogħol amministrattiv tal-bordijiet u l-ħatra tagħhom hi regolata mill-Att tas-Sigurtà Soċjali, l-istess proċedura ilha li ilha hekk għexieren ta’ snin sa mill-bidu tal-Att tas-Sigurtà Soċjali.
Barbara żied jgħid ukoll li hu skorrett għall-aħħar ir-rapport tal-MaltaToday fejn jiġi kkwotat jgħid li “the witness confirmed that illegal ‘reconsiderations’ of applications previously refused by the medical board had been made, and that it was Marc Calleja, a close associate of Minister Michael Falzon, who would order them”.
Anzi tenna li, fix-xhieda tiegħu, qal bil-kontra u spjega li Marc Calleja qatt ma kellu għalxiex javviċinah u qal li “lili qat ma avviċinani”.
B’referenza għal biċċa oħra fir-rapport fejn jingħad li applikazzjonijiet għall-benefiċċji kienu jiġu approvati minn fuq it-telefown, Barbara kkjarifika li hu qal hekk b’referenza għal applikazzjonijiet li daħlu ġodda fi żmien meta l-pajjiż kien għaddej minn restrizzjonijiet riġidi minħabba l-pandemija.
Konsegwenza ta’ dan, u biex l-aktar vulnerabbli fis-soċjetà jiġu mgħejjuna finanzjarjament, kienu jitħallsu wara li ssir evalwazzioni tad-dokumentazzjoni.