Il-vittmi tal-abbuż sesswali f’Dar San Ġużepp għamlu rebħa legali meta f’sentenza kostituzzjonali l-qorti ddeċidiet li t-talba tagħhom biex il-kawża tagħhom għall-kumpens tinstema’ minn Imħallef differenti kellha tintlaqa’.
Il-każ tagħhom spiċċa quddiem l-Imħallef Joseph R Micallef li huwa wkoll fit-tmexxija ta’ Radju Marija. Il-vittmi argumentaw li meta l-kawża tagħhom hi kontra l-Kurja ta’ Malta ma kienx se jkollhom smigħ xieraq li l-każ tagħhom jinstema’ minn xi ħadd daqstant assoċjat mal-Knisja.
Il-Qorti ppreseduta mill-Imħallef Mark Chetcuti ma kinetx laqgħet din it-talba. Iżda, l-Qorti Kostituzzjonali preseduta mill-Prim Imħallef tat ġudizzju differenti. Qalet li għalkemm hu minnu li l-Assoċjazzjoni Radju Marija għandha tmexxija indipendenti mill-Arċidjoċesi d-direttur ta’ Radju Marija xehed li meta “jiżgarra” jibgħat għalih l-Arċisqof.
Għalhekk intqal li m’hemmx ħelsien totali bejn iż-żewġ naħat. Fid-dawl ta’ dan il-Qorti laqgħet l-appell kostituzzjonali u għalhekk ordnat li l-każ ma jiqbax jinstema’ quddiem l-istess Imħallef.
B’rabta ma’ dan il-każ żewġ qassisin intbagħtu sitt snin u ħames snin ħabs.