B’investiment ta’ miljun ewro, madwar 3,200 student oħra se jingħataw internet b’xejn waqt li qed ikomplu bl-istudji tagħhom f’istituzzjoni post-Sekondarja, wara li jkunu temmew il-Ħdax-il Sena, jew kif inhi magħrufa bħala l-Form 5, sal-età obbligatorja.
Dan tħabbar waqt konferenza tal-aħbarijiet bit-tema ‘Inwettqu Flimkien’ fil-Junior College, fejn preżenti għaliha kien hemm il-Ministru għall-Edukazzjoni Clifton Grima.
Minn din il-miżura se jgawdu l-istudenti kollha li huma eliġibbli għal stipendju fl-iskejjel tal-Gvern, dawk indipendenti u tal-Knisja, u anke dawk fil-kulleġġ MCAST u fl-ITS.
Ġie spjegat kif din l-għajnuna se tingħata fil-forma ta’ vawċers ta’ €300, li se jibdew jitqassmu fl-aħħar ġimgħa ta’ Mejju u jkunu jistgħu jissarrfu sal-aħħar t’Awwissu. Wara din id-data l-vawċers ma jibqgħux validi.
Il-vawċer jista’ jissarraf għand wieħed mit-tliet fornituri ta’ servizzi tal-internet fil-gżejjer Maltin, jiġifieri Epic, GO u Melita, u għalhekk ikunu jistgħu jixtru servizz tal-internet għal 12-il xahar konsekuttivi.
Għal dan il-għan, il-Ministeru ġedded il-ftehim mat-tliet fornituri tas-servizzi tal-internet biex jieħdu parti f’din l-inizjattiva u joffru l-aħjar pakkett ta’ internet lill-istudenti.
Il-Ministru Grima qal li din hi r-raba’ sena li qed tiġi implimentata din il-miżura soċjali u edukattiva u sal-lum diġà sar investiment relatat ta’ erba’ miljun ewro, li minnu gawdew ’il fuq minn 6,000 student u studenta.
“U allura dan l-investiment ta’ miljun ewro se jkun qed jara lill-eluf ta’ studenti jibbenefikaw minn din l-inizjattiva. Inizjattiva li qegħda hemmhekk biex tħajjar l-istudenti u tgħin lill-istudenti fil-perkors akkadamiku tagħhom, anke lil hinn minn dik li hija l-edukazzjoni obbligatorja.”
Iżjed informazzjoni dwar din l-inizjattiva tista’ tinkseb billi l-istudenti jċemplu fuq il-linja 153 jew jibgħatu email fuq internetvouchers.meyr@gov.mt.