Tnieda l-padiljun ta’ Malta fil-Biennale tal-Arti ta’ Venezja għal din is-sena. Fil-fatt, kien il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, Owen Bonnici, li nieda dan il-padiljun, li ġie kkummissjonat mill-Kunsill Malti għall-Arti.
Hawnhekk pajjiżna qed jesebixxi xogħol tal-artist Matthew Attard, li tella’ l-proġett ‘I Will Follow the Ship’, li juri l-immaġni tal-vapur jimmaterjalizza bħala simbolu etern ta’ tama u possibbiltà, li għandu reżonanzi qawwija fid-dinja tal-lum ta’ progress teknoloġiku.
Attard innota r-reazzjoni pożittiva għall-proġett mtella’.
Ninsab kuntent immens bir-reazzjoni pożittiva li kellna wara t-tnedija tal-padiljun. Onorat immens bil-fiduċja li ngħatajt biex intella’ dan ix-xogħol bħala l-padiljun Malti waqt din il-manifestazzjoni tant artistika.
Matthew Attard, artist
Iċ-Chairperson Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għall-Arti, Albert Marshall, spjega kif din hi l-ewwel darba li l-padiljun Malti ttella’ minn artist wieħed li min-naħa tiegħu tella’ proġett ambizzjuż.
Il-kunċett hu innovattiv nouveau, huwa innovattiv, hu sogru, imma naħseb li r-reazzjoni tal-udjenza li hawn fil-padiljun f’Venezja jidher li x-xogħol mhux biss qed jiġi apprezzat, imma ħa jiġi assoċjat b’mod intimu relatat mal-wirt kulturali u storiku Malti.
Albert Marshall, Chairperson Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għall-Arti
Il-Ministru Bonnici fakkar kif pajjiżna kien ilu ma jipparteċipa fil-Biennale għal sbatax-il sena qabel l-2017, iżda issa qiegħed jipparteċipa fir-raba’ edizzjoni konsekuttiva.
Jiena nemmen li dan il-Biennale jkompli jimbotta l-ideat ta’ Malta li relattivament taħdem għall-paċi u għandu tema kontemporanja ħafna. Jiġifieri l-padiljun li għandna ta’ pajjiżna f’Venezja hu padiljun li jibgħat messaġġ ċar u kontemporanju li jagħmel sens ukoll fi żmien tal-lum.
Owen Bonnici, Ministru