Fil-Knisja ta’ San Bastjan, f’Ħal Qormi, sar il-funeral ta’ George Galdes, missier il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli, Roderick Galdes.
George Galdes jibqa’ magħruf għas-sehem tiegħu biex tinżamm it-tradizzjoni tal-ħobża Maltija ħajja. F’Ħal Qormi ħadem f’diversi fran u kien minn ta’ quddiem biex il-parruċċani Qriema taslilhom il-ħobża ta’ kuljum fuq il-mejda tal-ikel.
Hu baqa’ wkoll f’dan il-mestier u jaħdem fis-sengħa tal-ifran u tal-ħobż sal-aħħar ta’ ħajtu.
Galdes kien strumentali biex għallem din is-sengħa lil kull min kien interessat fit-tradizzjoni, waqt li bena u rrestawra fost l-ikbar fran f’Malta. Kellu x-xorti li jibni żewġt ifran kbar.
Il-memorja tiegħu se tibqa’ mfakkra wkoll wara li, fl-2011 u l-2013, f’Ħal Qormi nħmew l-ikbar ħobża u l-itwal bezzun, li ħolqu rekords.
Iżda George mhux se jibqa’ mfakkar biss għas-sengħa tal-id, imma wkoll għall-qalb tad-deheb li kellu.
Il-Qriema jiftakru lil George Galdes għall-kontribut li ta bħala plejer tal-futbol tat-tim ta’ Ħal Qormi bejn l-1961 u l-1973.
George Galdes, kien missier ta’ żewġ subien, u apparti lill-Ministru hu ħalla warajh ukoll tifel ieħor, Malcolm.