Il-Ħamis filgħodu ġie ffirmat l-ewwel ftehim kollettiv fuq sitt snin, bejn il-Unjin tal-Għalliema, l-MUT u l-Istitut għall-Edukazzjoni, bil-għan li jittejbu l-kundizzjonijiet ta’ dawk li ta’ kuljum imissu ma’ dan l-Istitut biex ikompli jassisti fl-espansjoni tas-settur edukattiv.
L-Istitut għall-Edukazzjoni fetaħ il-bibien tiegħu u joffri għadd ta’ korsijiet fuq livell ta’ Baċellerat u livelli aktar avvanzati għal dawk li diġà qegħdin jew inkella li jixtiequ jidħlu fis-settur edukattiv ta’ pajjiżna, f’karrieri varji minn għalliema sa kapijiet tal-iskola.
S’issa diġà gradwaw ‘l fuq min erba’ mitt student bi kwalifiċi differenti filwaqt li bħalissa l-Istitut għandu mat-tliet mitt student.
Il-President tal-MUT, Marco Bonnici stqarr kif dan il-ftehim huwa wieħed storiku hekk kif jinkorpora fih il-gradi kollha ta’ dawk li jaħdmu f’dan l-Istitut. Bonnici sostna kif dan il-ftehim qed jagħti garanzija lill-ħaddiema kollha hekk kif għandu kundizzjonijiet tax-xogħol aħjar u pakkett finanzjarju mtejjeb.
Is-Segretarju Permanenti tal-Ministeru għall-Edukazzjoni, Matthew Vella nnota kif dan il-ftehim jirrapreżenta t-trasformazzjoni li bħalissa għaddej minnu s-settur edukattiv f’pajjiżna. Hawn semma kif fi ftit tax-xhur oħra se tiġi varata l-istrateġija nazzjonali għall-edukazzjoni l-ġdida li nibtet minn dawk li ta’ kuljum imissu mal-qasam kuljum.
Il-Ministru responsabbli mill-edukazzjoni Clifton Grima, innota kif dan l-Istitut qiegħed iħalli l-frott tiegħu hekk kif is-settur edukattiv qiegħed jara professjonisti li tħarrġu f’din l-entità. Grima enfasizza l-importanza li s-settur edukattiv isegwi viżjoni strateġika li tħejji s-settur għall-futur.