Il-maġġoranza tal-Maltin iridu li, fil-ħames snin li ġejjin, il-prijorità tal-Membri Parlamentari Ewropej tkun li jaħdmu favur il-paċi u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, kemm fl-Unjoni Ewropea stess u anke madwar id-dinja.
Dan ħareġ mill-Ewrobarometru, li hu l-aħħar wieħed qabel l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew ta’ Ġunju li ġej.
Minn dan l-istħarriġ, joħroġ ukoll li 72% tal-Maltin mistennija jmorru jivvotaw għall-kandidati Maltin u Għawdxin, waqt li aktar minn żewġ terzi ddikjaraw li huma interessanti fl-istess elezzjoni, li f’pajjiżna se ssir fit-8 ta’ Ġunju.
Waqt li l-elezzjonijiet fl-Ewropa huma mifruxin bejn is-6 u d-9 ta’ Ġunju, l-Ewrobarometru sab li l-Maltin huma l-aktar fl-Ewropa kollha li jafu meta se ssir l-elezzjoni f’pajjiżhom.
Minn dan l-istħarriġ, ħareġ ukoll li aktar minn 80% tal-Maltin qalu li l-affarijiet f’ħajjithom sejrin fid-direzzjoni t-tajba. Hawn ir-rata ta’ pajjiżna hi ferm aktar mill-medja tal-pajjiżi tal-Unjoni, li hi ta’ 69% jew 12% inqas minn tagħna.
Ħareġ ukoll li aktar minn 60% tal-Maltin iqisu li, fit-tnax-il xahar li ġejjin, se jkunu fl-istess qagħda ekonomika jew saħansitra aħjar.
Skont dan l-Ewrobarometru, 91% tal-Maltin qalu li pajjiżna bbenefika mis-sħubija fl-Unjoni Ewropea, fl-istess ħin li naqset b’erbgħa fil-mija l-fiduċja tagħhom fil-Parlament Ewropew, meta mqabbel mal-aħħar stħarriġ simili li sar fil-ħarifa li għaddiet.