Fl-età ta’ 17-il-sena biss, id-DJ Malti Denzel Jo Armani rnexxielu jirreġistra riżultat impressjonanti fl-industrija internazzjonali tal-mużika wara li jirnexxielu jiffirma erba’ kuntratti diskografiċi f’erba’ kontinenti differenti fi żmien ġimgħa.
It-talent u d-dedikazzjoni eċċezzjonali ta’ Denzel, bil-mużika uniku tiegħu b’taħlita ta’ ġeneri differenti, spiċċaw stabbilixxewh bħala wieħed mill-aktar artisti żagħżugħa promettenti ta’ din il-ġenerazzjoni waqt li sparawh fix-xena internazzjonali.
Id-DJ Malti mistenni joħroġ erba’ diski fiż-żmien li ġej, bl-ewwel waħda nhar is-26 t’April bl-isem ta’ ‘INFINITY’, b’kollaborazzjoni mal-artist ukoll magħruf lokali, Drakard. Id-diska mistennija toħroġ taħt kumpanija indipendenti Ingliża Almighty1 Music.
Wara, f’nofs ix-xahar ta’ Mejju, se joħroġ diska ta’ tech-house bl-isem ta’ ‘What is Wrong? I Keep Thinking!’ taħt kumpanija indipendenti barranija, bl-isem ta’ Label Deep Argentina.
It-tielet diska ta’ Denzel se tkun ‘Love Me Now’, mal-kumpanija Brażiljana Slycr Records u l-ġeneru tad-diska se jkun dak Pop.
Ir-raba’ diska, bl-isem ‘One More Night’, li kienet inħarġet lokalment u kienet tinkludi lill-artist Kevin Paul Calleja, issa se tkun fuq skala globali taħt kumpanija bbażata fil-Belġju.
Id-DJ żagħżugħ Malti ħabbar li wkoll qed jaħdem fl-istudjo fuq aktar diski għas-sajf li ġej, b’kollaborazzjoni ma’ artisti lokali.
Waqt li rrifletta fuq il-kisbiet tiegħu, Denzel irrimarka li jinsab onorat u grat ħafna għall-opportunità li jikkollabora ma’ kumpaniji tad-diski stmati madwar id-dinja.
“Dan hu biss il-bidu tal-vjaġġ mużikali tiegħi u ninsab ħerqan li naqsam il-passjoni tiegħi mal-partitarji madwar id-dinja,” qal DJ Denzel Jo Armani.