L-Avukata Marija Sara Vella Gafa qed tittratta temi ewlenin li jolqtu firxa wiesgħa tas-soċjetà fil-kampanja tagħha għall-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew. Ewlenin fost dawn hemm is-servizz li jingħataw iċ-ċittadini mill-banek ewlenin f’pajjiżna.
Vella Gafà sostniet li mhux sew li, wara li eluf kbar ta’ Maltin jafdaw ġidhom mal-banek, ħafna drabi ftit li xejn qed ikollhom introjtu mit-tifdil li jkunu għamlu, u iżjed minn hekk is-servizz, li jingħataw, ikun wieħed nieqes mill-umanità u l-kompassjoni meħtieġa, speċjalment fil-każ ta’ ċittadini vulnerabbli fis-soċjetà.
Jekk il-poplu nhar it-8 ta’ Ġunju jislifni l-fiduċja tiegħu, jien se nkun, l-ewwel u qabel kollox, biex naħdem dwar l-interess tal-pajjiż tagħna, ta’ Malta tagħna. Iżda fl-aħħar jiem u ġranet tkellimt ma’ diversi nies u hemm diversi temi li se nkun qed naħdem fuqhom, fosthom il-burokrazija tal-banek, li naf kemm qed tinkwieta nies bħalissa, għax ovvjament kull wieħed u waħda minna niltaqgħu magħha. Jien iltqajt mal-assoċjazzjonijiet u mal-banek, u allura ċertament irrid inkompli naħdem dwar din it-tema li hi tant importanti għall-poplu kollu.
Marija Sara Vella Gafà
Vella Gafà stqarret ukoll l-impenn tagħha li taħdem fl-Ewropa biex is-saħħa mentali f’Malta tingħata l-importanza li jixirqilha billi tara li servizzi, li qed jingħataw fl-aktar pajjiżi avvanzati fl-Ewropa, ikunu jistgħu jingħataw ukoll fostna.
Qalet li temmen ukoll li l-Unjoni Ewropea ma tantx qegħda tagħti prijorità lill-problema mifruxa, dik ta’ housing affordabbli. Insistiet li l-Ewropa għandha ttella’ dan ’il fuq fl-aġenda, għax kulħadd għandu dritt jgħix b’mod diċenti, bla tbatija żejda ta’ djun jew kirjiet fenomenali.
Dr Vella Gafà semmiet li trid taħdem ukoll favur it-tgawdija tad-delizzji minn kulħadd sakemm dawn isiru fl-ambitù tal-ħarsien tal-liġi u kontra ksur tal-privatezza tal-kaċċaturi u n-nassaba.