“Kif kien jgħid il-Perit Duminku Mintoff, għalina Malta tibqa’ l-ewwel u qabel kollox, dejjem u kullimkien. U dan mhux ngħiduh biss, iżda nuruh bil-fatti. Mal-interess nazzjonali aħna ma nilagħbux. Dan hu dak li jiddistingwina mill-Partit Nazzjonalista. Aħna m’aħniex perfetti u qatt mhu se jkollna l-arroganza ngħidu li aħna. Aħna umli, determinati u fuq kollox inħobbu lil pajjiżna u lesti niddefenduh dejjem u kullimkien.”
Dan iddikjarah l-Avukat Daniel Attard, kandidat tal-Partit Laburista għall-Parlament Ewropew.
Hu fakkar kif l-istorja dejjem uriet li l-poplu dejjem iġġudika lill-Partit Laburista u r-rappreżentanti tiegħu fuq dak li jagħmlu u mhux fuq dak li jgħidu.
“Bħalma ġġudika lili f’dawn l-aħħar xhur, min b’mod tajjeb u b’min mod ħażin, għall-azzjonijiet li ħadt fil-konfront ta’ min ħaseb li hu ’l fuq mil-liġi. Kien hemm min qal li din hi gimmick. Nista’ nassigurakom li mhijiex. Ikun xi jkun ir-riżultat fl-elezzjonijiet li ġejjin, nagħtikom kelmti li jien se nibqa’ nara li din it-tip ta’ persekuzzjoni niqfilha u niqfilha b’saħħa,” compta Attard, waqt li qal li hu kontra l-mibegħda u qatt ma jista’ jaċċetta li persuna, minħabba t-twemmin politiku tagħha, tiġi ppersegwitata.
Hu nsista li “dak iż-żmien spiċċa darba għal dejjem. Spiċċa wkoll iż-żmien li nkunu passivi u nħallu kollox għaddej. U dan mhux għax irridu l-battibekki, imma għax irridu ġustizzja li ma tħares lejn wiċċ ħadd. Il-ġustizzja mhijiex għodda f’idejn min jinteressah biss mill-persekuzzjoni politika. Persekuzzjoni li ġarrbu ħafna minn dawk il-Laburisti li, bħal missieri, għexu u ħadmu taħt Gvernijiet Nazzjonalisti.”
“Il-persekuzzjoni lili ma tbeżżanix anzi se nara li nkompli neqfilha b’saħħti kollha, kif għamilt bl-azzjonijiet li ħadt fid-depot u fil-qorti li fil-ġimgħat li ġejjin se jissarfu fi proċeduri legali fil-Qorti. Jekk dawn in-nies għadhom jaħsbu li jistgħu jagħmlu persekuzzjoni fuq wieħed minna sempliċiment għaliex dan Laburist, kif qed jagħmlu fuq ħuna Joseph Muscat, se jibqgħu jsibu lili l-ewwel wieħed sabiex neqfilhom. Ġustizzja iva imma persekuzzjoni le,” temm jgħid il-kandidat Laburista għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew tat-8 ta’ Ġunju li ġej.