Nhar il-Ħadd li għadda, l-atleti Neil Agius u Fabio Spiteri wettqu maratona ta’ 12-il siegħa għawm b’riżq il-karità fil-pitch tan-Neputes f’San Ġiljan u matulha ġabru s-somma ta’ €6,000 b’riżq l-Inspire Malta.
It-tnejn daħlu għall-impenn solidali tagħhom, imnebbħa mill-viżjoni li jipprovdu aċċess lit-tfal kollha għall-għawm permezz tal-Inspire.
Neil, magħruf għall-għawmiet fit-tul tiegħu, għam għal total ta’ 44 kilometru, waqt li Fabio wkoll immarka l-itwal għawma tiegħu s’issa. Fit-12-il siegħa sħaħ, huma waqfu biss għal pawżi qosra biex jirkupraw l-enerġija.
L-isforzi tagħhom attiraw udjenza wiesa’, minn żgħażagħ dilettanti sa atleti u persunaġġi pubbliċi, li wkoll kienu mistiedna jgħumu magħhom. Dawn inkludew lil Thomas Mifsud, imwieled bl-ispina bifida u l-osteogenesis imperfecta, li xorta dam jgħum għal aktar minn sitt sigħat.
L-avveniment ġie organizzat mill-Eurosport, bl-appoġġ tal-klabb tan-Neptunes, VIBE FM, Garmin, Arena u Inspire.