L-Assoċjazzjoni Maltija tal-Produtturi (MPA) ħabbret l-avveniment ‘Future Visions’, li se jkun qed jsir bejn it-23 u s-27 ta’ April fil-Belt Valletta. Għal din l-okkażjoni se jattendi l-awtur tal-ktieb ‘Into The Woods’, John Yorke, li wkoll ħadem bħala Kap tad-Drama mal-BBC, b’esperjenza f’uħud mill-aktar serje televiżivi ikoniċi, fosthom ‘Eastenders’ u ‘Shameless’.
Dawk interessati fis-settur awdjo-viżiv se jkollhom l-opportunità li jsegwu firxa ta’ sessjonijiet ta’ taħriġ u workshops li jkopru l-iżvilupp ta’ storja avvanzata u opportunitajiet ta’ produzzjoni, fost l-oħrajn.
Immexxija minn esperti fl-industrija, ‘Future Visions’ hi l-ewwel inizjattiva mill-bord il-ġdid tal-MPA. Bl-appoġġ tal-Kunsill Malti għall-Arti, dan l-avveniment jenfasizza l-impenn fit-trawwim tat-talent lokali biex Malta tkun iċ-ċentru globali għall-kreattività.
Aktar tagħrif jinsab fuq is-sit tal-MPA (maltaproducersassociation.org).