Turisti Britanniċi rrapportaw li mhux qed ikunu milqugħin waqt il-btajjel tagħhom fi Spanja, u minkejja li jħallu miljuni kbar fl-ekonomija kull sena, saħansitra sar appell mill-Gvern biex dawn imorru lura lejn pajjiżhom.
Fil-fatt fl-aħħar jiem u ġimgħat saru wkoll diversi protesti, inkluż fil-Canary Islands ta’ Tenerife u Lanzarote, filwaqt li l-Gvern Spanjol qed jikkunsidra li jintervjeni biex inaqqas l-għadd ta’ turisti kullimkien.
Dan is-sentiment qed jidher ukoll f’diversi forom, inkluż bi graffitti, protesti fit-toroq, niren u anke vandaliżmu. L-istess atteġġjament qed jitħaddan ukoll fil-Greċja.
Spanja riċentament ukoll introduċiet sistema nazzjonali għat-turisti fejn qed jiġu obbligati li kull ġurnata tal-vaganza tagħhom ikollhom għad-dispożizzjoni mal-mitt ewro bħala garanzija.
Dan fl-istess ħin li turisti Britanniċi fi Spanja rrapportaw li qed ikunu suġġetti għal kundizzjonijiet deskritti tat-Tielet Dinja, fejn saħansitra jinqatagħlhom l-aċċess għall-ilma mill-awtoritajiet bejn id-disgħa ta’ filgħaxija u s-sebgħa ta’ filgħodu.
Dan wassal għal diversi appelli mill-Britanniċi biex jibbojkottjaw il-pajjiż, waqt li l-midja fir-Renju Unit qed tissuġġerixxi wkoll biex jagħżlu iżjed pajjiżi oħrajn fejn se jkunu iżjed milqugħin, partikolarment bħal Malta.
Ritratt: Getty