Ir-raġel li ta daqqiet ta’ sikkina u qatel sitt persuni f’Sydney, kellu problemi ta’ saħħa mentali fil-passat, u m’hemmx indikazzjonijiet ta’ mottiv marbut ma’ xi ideoloġija.
L-aggressur li wettaq dan l-attakk f’wieħed mill-aktar stabbilimenti tax-xiri bieżla f’Sydney, ġie identifikat mill-Pulizija bħala Joel Cauchi ta’ erbgħin sena.
Huwa kien magħruf mal-pulizija fl-istat ta’ Queensland.
Huwa mifhum li l-familja tal-aggressur għarfuh mill-filmati tar-rapporti tal-attakk fuq it-televiżjoni u kkuntattjaw lill-Pulizija.
Ir-raġel qabad jiġri fl-istabbiliment b’sikkina f’idu u ta daqqiet fatali lil sitt persuni filwaqt li darab tnax oħra, qabel ma nqatel mill-Pulizija b’tiri ta’ arma tan-nar.
Cauchi kien jgħix ġieli mal-ġenituri tiegħu u ġieli le, u dan l-aħħar kien qed jgħix fil-vettura tiegħu u f’hostels.
Hu kien ilu minn meta kellu sbatax-il sena jbati minn problemi ta’ saħħa mentali u matul dawn l-aħħar snin, is-saħħa mentali tiegħu marret għall-agħar.
Familtu l-aħħar li semgħet mingħandu kien f’Marzu f’telefonata qasira.