Kelliema għall-President Amerikan qalet li nhar it-Tnejn Trump se jiffirma ordni eżekuttiva ġdida dwar l-immigrazzjoni.
Ordni eżekuttiva ta’ qabel – li biha Trump ried iwaqqaf id-dħul fl-Amerka ta’ ċittadini minn seba’ pajjiżi – twaqqfet mill-qorti federali.
L-ordni l-ġdida, għalkemm għadha mhux ippubblikata jidher li mhux se jkollha l-Iraq fil-lista ta’ pajjiżi mwaqqfa, filwaqt li l-Iran, il-Libja, is-Sirja, is-Somalia, is-Sudan u l-Yemen ilkoll se jaraw disgħin jum ta’ projbizzjoni ta’ vjaġġar.
Fl-istess waqt, ċittadini minn dawn il-pajjiżi li diġà għandhom il-green card Amerikana, mhux se jkunu affettwati.
L-ordni eżekuttiva mistennija tidħol fis-seħħ fis-16 ta’ Marzu. Dan bit-tama li jkun evitat il-kaos li kienet ħolqot l-ordni eżekuttiva ta’ qabel li ddaħħlet fis-seħħ minnufih.
Fir-ritratt tidher familja Sirjana li ltaqgħat mill-ġdid fl-O’Hare ta’ Chicago fi Frar.