L-investiment mill-Gvern fuq il-benefiċċji soċjali żdiedu b’aktar minn seba’ mitt miljun ewro jew żieda ta’ disgħin fil-mija, meta mqabbel mal-2013 – is-sena meta l-Partit Laburista tela’ fil-Gvern.
Dan tħabbar f’konferenza tal-aħbarijiet mill-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal, Michael Falzon. Dan b’reazzjoni għaċ-ċifri ppubblikati t-Tnejn mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, l-NSO.
Minn dawn iċ-ċifri ħareġ li, s-sena l-oħra, l-investiment fil-benefiċċji soċjali kien ta’ aktar minn biljun u tliet mitt miljun ewro – żieda ta’ mitt miljun ewro fuq sena qabel.
B’dan jagħmel tali investiment bħala l-akbar wieħed f’daqqa minn sena għall-oħra.
Il-Ministru Falzon sostna li s-sena l-oħra ssaħħew diversi miżuri soċjali, waqt li ġew implimentati oħrajn ġodda.
Ġie spjegat ukoll li fatt ieħor interessanti li wassal għal din iż-żieda rekord kien l-investiment massiċċ fuq il-pensjonijiet, hekk kif, fl-aħħar għaxar snin, dawn żdiedu bit-tripplu.
Qal, “L-aħħar statistika tal-NSO, bla dubju, hi statistika pożittiva mmens. Hi statistika li żġur fil-qasam soċjali tirrifletti dak li qal il-Prim Ministru, li din hi amministrazzjoni, dan hu Gvern, dan hu partit li għandu qalbu fil-post it-tajjeb.”
Is-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru, Mark Musù, sostna li l-akbar żieda kienet f’dawk li huma benefiċċji kontributorji, mħallsin fuq id-dħul tal-persuna.
Din hi bażikament skema ta’ assigurazzjoni, li tipprovdi diversi benefiċċji li jinkludu dawk marbutin mal-pensjonijiet, il-benefiċċju tal-qgħad u tas-sick leave.
Iż-żidiet lill-pensjonanti kollha u l-għajnuniet diretti lill-familji, iż-żidiet fil-benefiċċji taċ-Children’s Allowance, l-In-Work Benefit, il-Benefiċċju Addizzjonali tal-COLA u l-Carers’ Grant, huma fost dawk l-aktar benefiċċji li wasslu għal din iż-żieda fl-investiment.