Il-kandidat Laburista Għawdxi għall-Elezzjoni tal-Parlament Ewropew, Thomas Bajada, wassal messaġġ qawwi lill-poplu Malti u Għawdxi għall-għaqda u l-bidla.
Hu appella għal futur b’enfasi qawwija fuq l-importanza tal-identità, il-ġmiel naturali u kulturali ta’ Għawdex u l-enerġija tal-ġenerazzjoni żagħżugħa.
“Toqgħodux lura – idħlu ħa tibdluha”. Dak kien kliem l-Eċċellenza Tagħha Myriam Spiteri Debono, wara l-ħatra tagħha bħala l-11-il President tar-Repubblika, f’messaġġ indirizzat liż-żgħażagħ fuq pjattaform tal-mezzi soċjali.
Dwar dan, Bajada saħaq fuq l-importanza li nħeġġu liż-żgħażagħ jinvolvu ruħhom.
“Irridu naraw li t-tfal u ż-żgħażagħ tagħna tul it-trobbija tagħhom ikkunu involuti u mħeġġin u jkunu inċentivati biex jinvolvu ruħhom kemm, pereżempju, f’għaqdiet volontarji u mużikali. Imma wkoll inrawmu valuri importanti ta’ mħabba u ħidma lejn pajjiżna.”
Bajada ngħaqad mas-sejħa tal-President tar-Repubblika biex nagħmlu sistemi edukattivi li jippromwovu l-awto-dixxiplina u l-importanza tar-rispett u l-impenn fil-ħajja.
Tenna li biex nibnu komunitajiet reżiljenti, irridu nħarsu lura lejn l-antenati tagħna u lejn dak li ħallewna, biex nifhmu u nemmnu l-potenzjal sħiħ tas-soċjetà tagħna.
Liż-żgħażagħ, Bajada jsejħilhom biex il-vuċi tagħhom tkun il-katalist għall-bidla.
“Fi kliem il-President, qaltilna toqogħdux lura u jekk taraw xi ħaġa jew tħossu li xi ħaġa darsitkom fil-politika, idħlu ħalli tibdluha. Il-probabbiltajiet huma li jien ma nkunx elett f’din l-elezzjoni, però nemmen li għandi l-abbiltajiet, id-determinazzjoni u l-qalb li nġib bidliet importanti u neċessarji fil-politika lokali u Ewropea, inkun fejn inkun.”
Il-kandidat żagħżugħ Għawdxi saħaq li f’ħames snin ta’ xogħol fi Brussell, hu dejjem tenna l-importanza li dak li għandna bħala Maltin għandu jiġi protett u difiż.
Bajada saħaq li, ikun fejn ikun, se jibqa’ jaħdem biex il-liġijiet Ewropej ikunu verament jirriflettu r-realitajiet partikolari tal-Maltin u l-Għawdxin.
Sejjaħ biex iċ-ċittadini kollha jużaw is-saħħa tal-vot biex jagħmlu Ewropa li taspira għall-futur tagħhom.
“Flimkien, ejja ħalli nħaddnu l-identità Maltija tagħna, naraw u niddefendu l-bżonnijiet speċifiċi t’Għawdex, u wkoll nagħtu enerġija u tama liż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin kollha. Flimkien nistgħu nġibu l-bidla. Wasal il-ħin għall-azzjoni. Ingħaqad miegħi biex tagħmel id-differenza.”