Ġnien Romeo Romano f’Santa Venera.
Għal snin twal kien ġnien mitluq, qabel ma ġie rriġenerat minn Gvern Laburista.
Is-Sibt waranofsinhar, taħt xemx tiżreġ, u sema ċar, dan il-ġnien, laqa’ diversi familji għal attività ta’ divertiment, organizzata mill-Ministeru għall-Enerġija, l-Ambjent u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir.
Diversi anzjani, li tkellimna magħhom qalulna kif dan il-ġnien mhux biss kiber u ġie rriġenerat, iżda sar jospita attivitajiet li jiġbdu l-etajiet kollha.
Fost l-oħrajn, din l-attività nkludiet logħob għat-tfal, realtà virtwali, crafts, face painting, puppet show bis-sehem ta’ Maggie l-maskot u sħabha bit-tema ta’ Saving Our Blue, kif ukoll diversi bankarelli b’informazzjoni dwar l-entitajiet fi ħdan l-istess Ministeru.
Tkellimna ma’ diversi ċkejknin li flimkien mal-ġenituri tagħhom, attendew għal din l-attività – xhieda li kienu qed jieħdu pjaċir kienet it-tbissima fuq fommhom.
Diversi ġenituri u nanniet, ukoll qalulna kemm attivitajiet ta’ din ix-xorta huma ta’ importanza kbira.
Din l-attività hija waħda minn kullana ta’ attivitajiet li qed isiru dan ix-xahar, mill-Ministeri u entitajiet governattivi – maħsuba għall-familja kollha.