Is-sena 1974.
Il-grupp mużikali Żvediż ABBA, rebaħ il-festival tal-Eurovision, bil-kanzunetta ‘Waterloo’, fi Brighton fir-Renju Unit – kanzunetta li kellha tikteb l-istorja tal-grupp, bħala sensazzjoni għal kull ġenerazzjoni.
Minkejja li gerrbu s-snin, il-kanzunetti tal-ABBA għadhom maħbuba minn ħafna.
Crew ta’ ONE News, żar it-toroq tal-Belt Valletta, sabiex jistaqsi lil diversi turisti u Maltin li ltaqa’ magħhom dwar dan il-grupp mużikali; li jgħaddi kemm jgħaddi żmien, il-melodiji tal-kanzunetti tiegħu jibqgħu l-favoriti għal ħafna, biex jiżfnu u jkantaw magħhom.
Uħud semmew kif il-grupp riċentament ingħaqad u ħareġ kanzunetti ġodda, filwaqt li oħrajn marru lura fiż-żmien, meta kienu jkunu minn ta’ quddiem biex jixtru xi vinyl tal-ABBA.
Oħrajn semmewlna li marru xi kunċerti tribute, sforz l-imħabba tagħhom lejn dan il-grupp mużikali.
U fl-aħħar u mhux l-inqas, morna f’ras il-għajn u staqsejna lil Benny Grima, kantant u mużiċist, li ta’ kuljum jagħti ħajja lit-toroq tal-kapitali Maltija bil-kant u d-daqq tiegħu.
U Benny ma ħalliniex nitilqu, mingħajr ma jkantalna silta mill-kanzunetta tant favorita ma’ ħafna ‘Mamma Mia’, tant li anke t-turisti nġabru jiżfnu madwaru.