B’investiment ta’ għaxar miljun ewro, ġie inawgurat l-aktar proġett ambizzjuż ta’ housing soċjali f’pajjiżna għal xejn inqas minn mija u żewġ familji.
Il-binja fl-Imsida, imsemmija għall-eks Ministru Laburista Patrick Holland, ġiet inawgurata l-Ġimgħa filgħaxija u ngħaqdet ma’ binjiet oħrajn li bdew jitgawdew mill-aħħar xhur.
Fil-fatt, jirriżulta li, mill-2022 sal-aħħar ta’ din is-sena, se jkunu ġew inawgurati b’kollox erba’ mija u tnejn u erbgħin appartament tal-housing soċjali.
Fl-Imsida, minbarra l-mija u żewġ appartamenti, il-binja tinkludi wkoll tnejn u għoxrin garaxx, filwaqt li hemm pjani biex fil-ġejjieni qrib ukoll ikollha fiha wkoll klinika għall-komunità u numru ta’ ħwienet.
Il-Perit tal-binja, Samuel Formosa, spjega kif il-binja fl-Imsida se tkun l-ewwel waħda tal-housing soċjali li tista’ taħżen riserva ta’ ilma riċiklat.
B’rabta mal-isfida tal-għargħar, il-binja għandha wkoll għadd ta’ bjar taħt l-art biex jintużaw mill-Protezzjoni Ċivili u oħrajn. Dwar l-estetika l-Perit stqarr li fil-faċċata ntużat il-ġebla Maltija biex tinżamm id-dehra tradizzjonali.
Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli, Roderick Galdes, irrimarka kif dan il-proġett rekord jingħaqad ma’ lista bla preċedent ta’ skemi, li jiġu amministrati mill-Awtorità tad-Djar.
Fisser li dan jikkwantifika f’rekord ta’ investiment ta’ €50 miljun għal din l-imrewħa ta’ skemi u r-rekord fir-rata ta’ 82.6% ta’ homeownership li llum il-ġurnata għandu pajjiżna fost il-pajjiżi Ewropej.
Il-Ministru Galdes temm jgħid li l-ħidma tal-Gvern fis-settur tal-housing ġabet magħha rivoluzzjoni ħolistika u soċjali. Qal li s-suċċessi li nkisbu u se jkomplu jinkisbu huma frott ħidma kollettiva ta’ Tim Malta fil-kampanja ‘Inwettqu Flimkien’.