Tliet persuni ġew arrestati ftit wara serqa minn ħanut f’Tas-Sliema.
Żewġ nisa, mara ta’ 35 sena minn San Ġwann u tfajla ta’ 25 sena minn Tas-Sliema, u raġel ta’ 28 sena minn Tas-Sliema, ġew arrestati wara li allegatament, aggredew impjegata ta’ ħanut u wettqu serqa mill-istess ħanut, f’Tas-Sliema.
Il-każ seħħ ilbieraħ, għall-ħabta tas-sagħtejn u nofs ta’ waranofsinhar, meta ntalbet l-assistenza tal-Pulizija.
Malli waslu fuq il-post, il-pulizija sabu lill-impjegata, mara ta’ 31 sena minn San Ġwann, li nfurmathom bis-serqa. Il-kaxxiera ġarrbet ġrieħi ħfief.
Bid-deskrizzjoni tal-persuni f’idejhom, il-Pulizija immedjatament bdiet tfittxijiet għat-tliet suspettati. Madwar siegħa biss wara, it-tliet persuni dehru fi Triq ix-Xatt, il-Gżira u ġew arrestati minnufih, fejn instabu fil-pussess ta’ oġġetti, li allegatament kienu misruqin.
It-tliet persuni qed jinżammu arrestati u l-investigazzjonijiet dwar dan il-każ għadhom għaddejjin.