Il-festival Art Explora, b’kollaborazzjoni ma’ Spazju Kreattiv, rebaħ il-qalb ta’ bosta, tant li, matul l-għaxart ijiem tiegħu bejn il-21 ta’ Marzu u l-31 ta’ Marzu, attira mal-21,000 persuna.
L-attrazzjoni ewlenija tal-festival hu katamaran, li ġie ttrasformat fl-ewwel dgħajsa-mużew fid-dinja bl-ewwel waqfa tiegħu tkun proprju fostna. Dan il-bastiment mill-isbaħ, b’kapaċità li jilqa’ sa 2,000 viżitatur kuljum, juri l-konverġenza tal-arti, it-teknoloġija u l-involviment tal-komunità.
Mibni fl-Italja, dan joffri esperjenza immersiva għal dawk kollha li jitilgħu abbord f’waħda mill-inizjattivi ewlenin b’kollaborazzjoni mal-mużew rinomat Franċiż ta’ Louvre.
L-għan tal-festival kien li joffri esperjenza unika b’taħlita bejn l-arti, il-kultura, it-teknoloġija u l-impenn tal-komunità. Kien hemm diversità kbira ta’ attivitajiet u inizjattivi, bis-sehem ta’ 95 artist bejn Maltin u barranin.