Ġnien l-Indipendenza f’Ħaż-Żebbuġ, li jinsab fi stat ta’ telqa, se jara investiment ta’ miljun ewro biex jinbidel fi spazju ieħor miftuħ għat-tgawdija tal-familji.
Dan tħabbar waqt żjara li għamel is-Segretarju Parlamentari għax-Xogħlijiet Pubbliċi, Omar Farrugia, proprju fl-ewwel jiem tal-proġett.
Hawn intqal kif, minbarra l-ispazji ħodor, il-ġnien se jinkludi wkoll basketball court u picnic areas. Dan minbarra li l-ilma tax-xita se jinġabar f’ġiebja biex jintuża għat-tisqija tas-siġar u l-pjanti tal-ġnien stess.
Xogħlijiet oħrajn jinkludu funtana ġdida, sistema ta’ dawl moderna biex ittejjeb il-viżibilità filgħaxija u l-installazzjoni ta’ sistema ta’ CCTV cameras biex tiżdied is-sigurtà fil-post.
Dawn se jingħaqdu ma’ sistema ta’ pannelli fotovoltajiċi ġdida li se tiġġenera l-enerġija fil-post. Se jsir ukoll restawr estensiv tal-ħitan eżistenti.
L-aċċessibbiltà għas-sit se titjieb b’aċċess aktar sigur, fejn se tiġi installata pelican crossing fit-triq prinċipali li tagħti għall-ġnien.
Is-Sindku ta’ Ħaż-Żebbuġ, Mark Camilleri, esprima s-sodisfazjon tiegħu għat-twettiq ta’ dan il-proġett li se jara żona abbandunata għal għexieren ta’ snin tinbidel f’waħda addattata biex wieħed iqatta’ ħin ta’ kwalità.
“Illum verament ninsab kuntent hawnhekk li waħda mill-ħolmiet tagħna bħala Kunsill se tibda titwettaq. Hawnhekk hu ġnien li ilu abbandunat għexieren ta’ snin u permezz tal-Public Works ħa nkunu qegħdin nagħtuh dehra ġdida.”
Is-Sindku Ħaż-Żebbuġ Mark Camilleri
Is-Segretarju Parlamentari Omar Farrugia nnota kif dan il-proġett mhux iżolat, iżda wieħed minn kullana favur riġenerazzjoni ta’ spazji mitluqa.
“Dan hu proġett ieħor minn sensiela ta’ proġetti li qegħdin inwettqu bħala Gvern biex postijiet li bħalissa jinsabu mitluqin jinbidlu fi spazji ħodor għall-komunitajiet tagħna.”
Is-Segretarju Parlamentari Omar Farrugia