Illejla, il-Prim Ministru Robert Abela u martu Lydia laqgħu lill-President George Vella u martu Miriam fil-Berġa ta’ Kastilja.
Hawnhekk saret ċena uffiċjali ad unur il-President George Vella bħala turija ta’ ringrazzjament għas-servizz li ta lil pajjiżna. Dan hekk kif qed jintemmu l-ħames snin tal-Presidenza tat-Tabib George Vella.
Preżenti kien hemm ukoll il-President-Elett, in-Nutar Myriam Spiteri Debono.
F’indirizz li għamel, il-Prim Ministru Robert Abela qal li l-President Vella fittex l-ewwel il-ġid komuni u wera ġest ta’ mħabba kbira lejn il-poplu, meta għat-tul tal-Presidenza tiegħu għażel li jissagrifika lilu nnifsu u ma jaħdimx mill-Palazz tal-Belt. Dan sabiex din il-ġawhra terġa’ lura għall-glorja tagħha permezz ta’ proġett ta’ restawr estensiv li twettaq.
Il-Prim Ministru sostna wkoll li l-Istat Malti se jibqa’ rikonoxxenti lejn is-servizz li ta Dr Vella għal Malta.
Waqt din iċ-ċena uffiċjali saru indirizzi wkoll mill-President ta’ Malta u l-Kap tal-Oppożizzjoni.