Bejn is-6 u d-9 ta’ Ġunju li ġejjin, se jirritorna l-festival mużikali Earth Garden, bis-17-il edizzjoni tiegħu fil-picnic area f’Ta’ Qali.
F’konferenza tal-aħbarijiet ingħad li hu mistenni li sittin fil-mija ta’ dawk li se jattendu għal dan il-festival, huma turisti, xhieda kemm din hi niċċa oħra għat-turiżmu f’pajjiżna. Il-festival se jara s-sehem ta’ 140 artist differenti, lokali u anke internazzjonali.
Din l-edizzjoni, li se tkun akbar minn qatt qabel, se tinkludi, fost l-oħrajn, attrazzjonijiet ġodda, bħal żona għat-tfal, imsejħa Earth Kidz, parti fejn il-familji jagħmlu camping, ice baths, ħames palks u żieda ta’ palk ieħor, li se jkun f’żona sigrieta.
L-attrazzjonijiet għat-tfal jinkludu wkoll inizjattivi minn Heritage Malta marbutin mal-arti kulinarja u l-kultura, avventura maġika, circus juggling, talent shows pubbliċi, silent discos u attivitajiet marbutin max-xjenza minn Esplora.
L-organizzatur ta’ dan l-avveniment, Howard Keith Debono, spjega aktar fid-dettall x’inhu mistenni f’din l-edizzjoni.
Qal, “Is-sitt stage. Dan l-istage hu differenti, u kunċett differenti milli qatt kellna, huwa sigriet. In-nies mhux se jkunu jafu fejn hu, min qed idoqq jew fi x’ħin, jiġu hemm, u x’imkien jaraw xi bieb u jidħlu minn ġo fih, jgħaddu minn xi mina ta’ 40 metru u jispiċċaw fuq dan l-istage.”
Il-konferenza tal-aħbarijiet ġiet indirizzata wkoll mill-Ministru għat-Turiżmu u l-Indafa Pubblika, Clayton Bartolo, u ċ-Chairman tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, Gavin Gulia.
Il-Ministru Bartolo elenka kif l-għajnuna li tipprovdi l-MTA, permezz ta’ VisitMalta, għal dawn it-tip ta’ avvenimenti hi essenzjali biex il-prodott turistiku tagħna jkun iżjed versatili u jappella għal kulħadd.
Qal, “Dak kollu li qed noffru għall-pajjiż, mhuwiex biss għat-turist, iżda wkoll għall-Malti u l-Għawdxi. Huwa wkoll għall-familja kollha kemm hi u anke dawk li jħobbu jesperjenzaw din il-ħajja ta’ camping u mużika, u dak kollu li kapaċi joffri Earth Garden. U, għalhekk, bi pjaċir li qed nagħtu dan l-appoġġ tagħna biex naraw li qed nagħtu kalendarju tul is-sena kollha, li jkun iżjed diversifikat u aktar ta’ kwalità.”