Fiċ-ċentri Klabb 3-16 ta’ Ħal Qormi San Bastjan u Ħal Luqa fl-ewwel term u fiċ-ċentri ta’ Ħaż-Żabbar A, Fgura u ż-Żurrieq fit-tieni term, għaxar gruppi ta’ studenti, b’total ta’ 112-il student, ħadu sehem f’diversi programmi extra-kurrikulari mħejjija mill-Fondazzjoni għas-Servizzi Edukattivi, flimkien ma’ HSBC Malta.
Dan ukoll qed isir permezz tas-sostenn ta’ entitajiet oħrajn, li permezz tal-għajnuna tagħhom qed ikun hemm impenn kollettiv tas-soċjetà, kemm mill-Istat kif ukoll mill-privat, biex il-ġenerazzjoni futura nagħtuha l-opportunitajiet kollha li nistgħu.
Dawn is-sessjonijiet, li għandhom il-ħsieb joffru aktar valur miżjud lill-istudenti li jużaw is-servizz ta’ Klabb 3-16, qed jgħinu lit-tfal f’diversi oqsma ta’ ħajjithom, inkluż fil-kunfidenza tagħhom, fil-ħila biex jesprimu ruħhom u bħala mezz ta’ soċjalizzazzjoni.
Flimkien ma’ dawn il-korsijiet tad-drama, qed jiġu offruti wkoll korsijiet fil-lingwa Franċiża fiċ-ċentri ta’ Pembroke u San Ġwann, kif ukoll korsijiet fuq l-użu sostenibbli tad-drapp fiċ-ċentri ta’ Ħaż-Żabbar B u Mosta.
F’kummenti ma’ ONE News, żewġ ġenituri qasmu magħna kemm hu importanti s-servizz ta’ Klabb 3-16 għalihom.
Klabb 3-16 ovvjament għenna ħafna, għax kemm jiena kif ukoll il-mara naħdmu, allura ovvjament, wara l-ħin tax-xogħol, il-klabb jgħinna biex isostnina u nkomplu għaddejjin u jieħu ħsieb ftit lit-tifel, siegħa kollox matul il-ġurnata. Min-naħa l-oħra, it-tifel beda jattendi wkoll is-session tad-drama, u nħoss li għenu ħafna fl-element ta’ kreattività u anke fil-mod ta’ kif jesprimi lilu nnifsu u fil-mod ta’ kif jikkomunika magħna.
George Tabone, ġenitur
Ħareġ xi ħaġa minnu li għenitu soċjalment, jiġifieri speċjalment illum il-ġurnata li qegħdin nipprovaw nikkumbattu ħinijiet twal mal-iscreens, għax illum għalkemm għamilna avvanzi teknoloġiċi, hemm ukoll affarijiet oħrajn fis-soċjal li wieħed irid jibqa’ tajjeb fihom, lit-tifel tagħna għenitu immensament.
Stephen Borg, ġenitur