Għall-150 sena mit-twaqqif tagħha, is-Soċjetà Filarmonika Nazzjonali La Valette u l-Kolleġġjata ta’ San Pawl Nawfragu se jippreżentaw kunċert korali u orkestrali nhar il-Ġimgħa 26 t’April mis-7:30 ta’ filgħaxija fil-Knisja Kolleġġjata ta’ San Pawl Nawfragu, fil-Belt Valletta.
Il-kunċert se jkun taħt id-direzzjoni mużikali ta’ Maestro Mauro Ivano Benaglia, direttur magħruf għal bosta kunċerti madwar id-dinja, fosthom l-eżekuzzjoni tal-‘Missa da Requiem’ ta’ Giuseppe Verdi u l-kunċert ‘Mariano’ fid-Duomo ta’ Milan, fost ħafna oħrajn.
Għall-istess kunċert se jieħdu sehem il-gruppi Schola Cantorum Ars Nova, Il Coro Città Di Rivarolo, l’Accademia Concertante D’Archi Di Milano kif ukoll il-mużiċista Lorenzo Meraviglia li se jdoqq fuq vjolin Omobono Stradivari tal-1730.