Il-Banda tar-raħal tax-Xewkija twaqqfet nhar it-Tnejn 13 ta’ Mejju tal-1929 u proprju din is-sena se tkun qed tiċċelebra l-95 sena mit-twaqqif tagħha. B’ċelebrazzjoni għal dan l-anniversarju, l-Banda Prekursur se tkun qed ittella’ wirja pubblika dwar ġrajjietha kuljum mit-12 ta’ April sat-30 ta’ April mit-8.30 ta’ filgħodu sat-8.00 ta’ filgħaxija.
Din l-esebizzjoni se tinkludi fiha dokumenti u ritratti antiki u affarjiet oħrajn relatati mal-istorja tal-banda. Se jiġu esebiti wkoll varjetà ta’ standardi antiki tal-istess banda kif ukoll il-partitura oriġinali tal-innu l-kbir ‘La Nattività di San Giovanni Battista’ tas-Surmast fundatur tagħha, Andrea Borg.
Matul iż-żminijiet, din il-banda bdiet tieħu sehem f’diversi attivitajiet reliġjużi li jsiru r-raħal, fosthom il-purċissjoni tad-Duluri, li ssir fil-ġimgħa qabel l-Ġimgħa Mqaddsa. Il-mitħna storika tax-Xewkija, li se tospita din il-wirja, serviet għal xi żmien bħala każin tal-banda, maħżen tal-armar u anke maħżen għal-kanen li jintużaw fil-ħruq tal-murtali.