Sentejn minn meta ġie fdat mill-poplu Malti u Għawdxi bl-ewwel mandat tiegħu, kompliet tissaħħaħ il-fiduċja fil-Prim Ministru Robert Abela. Fl-istess ħin il-poplu jaħseb b’mod pożittiv dwar il-ħidma tal-gvern. Din id-darba dan qed jirreġistrah stħarriġ tal-Maltatoday.
Fil-ħarġa tal-Ħadd kien irrapportat li filwaqt li bejn il-partiti politiċi hemm distakk ta’ għaxra fil-mija favur il-Partit Laburista, fil-każ tal-mexxejja dan jitla għal 24%. Dan hekk kif Robert Abela kien l-għażla ta’ 46% tal-elettorat filwaqt li l-Kap tal-Oppożizzjoni kien l-għażla ta’ 21.7%. Il-Prim Ministru jgawdi fiduċja kbira u kważi assoluta fost dawk li fl-2022 ivvotaw lill-Partit Laburista, differenti mill-Kap tal-Oppożizzjoni li għandu problema ma’ iktar minn 40% ta’ dawk li vvotaw lill-Partit Nazzjonalista.
L-istħarriġ tal-Maltatoday jgħid ukoll li Robert Abela igawdi vantaġġ komdu fost l-etajiet kollha u fir-reġjuni kollha tal-pajjiż.
Intant, il-maġġoranza tal-Maltin iqisu x-xogħol tal-gvern minn lenti pożittiva u l-gazzetta tgħid li sinjifkattiv li anke fost dawk li jgħidu li mhux se jivvotaw hemm opinjoni pożittiva tal-ħidma tal-gvern.
Meta analizzat id-differenza bejn il-partiti politiċi l-Maltatoday qalet li hemm differenza ta’ iktar minn 28,000 vot, fl-istess ilma ta’ stħarriġ ippubblikat mit-Times of Malta ftit tal-jiem ilu.
Meta kien ippubblikat dak l-istħarriġ tat-Times of Malta f’avveniment pubbliku l-Prim Ministru nsista: “Ftakru li kull tellieqa elettorali tibda xejn b’xejn. Ftakruha din u ara ma tinsewha qatt. U għalhekk jekk temmnu li Gvern Laburista għandu jibqa’ għaddej b’dan ir-ritmu ta’ implimentazzjoni tal-manifest elettorali Malta Flimkien, mela ingħaqdu magħna għaliex fl-għaqda hemm is-saħħa.”