Ġiet inawgurata klinika tas-saħħa ġdida f’Birżebbuġa, li se tkun qed toffri diversi servizzi, fosthom it-tabib tal-familja, speech and language pathology, podjatrija, u fiżjoterapija.
F’din il-klinika se jkun hemm ukoll social workers u professjonisti fil-kura tas-saħħa mentali.
Din il-klinika nfetħet wara kollaborazzjoni bejn il-Ministeru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva, u l-kunsill lokali ta’ Birżebbuġa, u ġiet parzjalment iffinanzjata mill-Fond Nazzjonali għall-Iżvilupp Soċjali, l-NDSF.
Se jgawdu minn dawn is-servizzi aktar minn erbatax-il elf persuna li jgħixu Birżebbuġa u fl-akwati.
Il-Ministru tas-Saħħa Jo Etienne Abela spjega kif issa f’pajjiżna hawn sitta u għoxrin klinika fil-komunità, li matul is-sena, jagħmlu użu minnhom ’l fuq minn 100,000 pazjent.
“Il-Community Clinic ta’ Birżebbuġa, hija r-raba’ ċentru ta’ kura primarja, li qegħdin inżanżnu dan ix-xahar. Dan juri l-impenn tal-Gvern li jkompli jinvesti u jsaħħaħ il-kura medja fis-soċjetajiet u l-komunitajiet tagħna.”
Is-Sindku ta’ Birżebbuġa Scott Camilleri qal kif il-kunsill jirrikonoxxi l-ħidma li saret biex infetħet din il-klinika.
“Bħala Kunsill nirrikonoxxu l-ħidma li saret biex f’Birżebbuġa nfetħet il-Community Clinic. Proġett li ilu mistenni għal tant snin mir-residenti ta’ Birżebbuġa.”
Il-Kap Eżekuttiv tal-Kura tas-Saħħa Primarja, Roseanne Camilleri spjegat kif dawn il-kliniċi qed iqarrbu l-kura dejjem aktar viċin il-komunità.
“Din hija s-26 klinika li ftaħna fil-komunità, proġett multi-dixxiplinarju, fejn għandna tim li jaqdi s-servizzi tal-komunità, eqreb lejn fejn wieħed jaħdem jew joqgħod bħala residenza.”