F’nofs il-Ġimgħa Mqaddsa, wieħed ikun qed jipprova jiskopri l-avvenimenti kollha li qed iseħħu madwar il-pajjiż, fosthom il-purċissjonijiet tradizzjonali. Dan illum hu ferm eħfef kemm-il darba taċċessa Inkontru.app.
B’aktar minn 50 purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira u tal-Għid il-Kbir, li se jkunu qed iseħħu bejn id-29 u l-31 ta’ Marzu, il-pjattaforma diġitali Inkontru.app qed tagħti l-opportunità t’aċċess faċli u f’post wieħed għall-informazzjoni dwar l-avvenimenti kollha għaddejjin f’Malta u Għawdex.
ONE News tkellem mal-imħuħ wara din l-idea, Sarah-Lee Zammit u Godfrey Kenely.
Fost oħrajn, Zammit spjegat li, f’perjodu daqsekk speċjali għall-identità kulturali ta’ pajjiżna, f’Inkontru.app tista’ ssib l-informazzjoni neċessarja kollha relatata mal-avvenimenti tal-Ġimgħa Mqaddsa.
Qalet, “Hu vera xi ħaġa speċjali li f’Malta kważi f’kull villaġġ tista’ ssib xi ħaġa li qed issir f’dan il-perjodu u allura aħna ridna li kemm għall-Maltin u kemm għat-turisti, għall-barranin li jkunu Malta jistgħu faċilment isibu dik il-purċissjoni partikolari fejn qed issir, kif tista’ tasal għaliha, fi x’ħin qed issir, għax tant hawn avvenimenti għaddejjin bħalissa li ridna li wieħed faċilment jista’ jsib dak li qed jiġri f’Malta.”
Sadanittant, Godfrey Kenely tenna li l-għan ta’ din l-app hu li toħloq komunità li tgħaqqad lin-nies permezz tal-attivitajiet artistiċi u kulturali li għaddejjin madwar Malta u Għawdex b’aċċessibilità għal kulħadd.
Qal, “Ħadna ħsieb ukoll li jkun b’mod sempliċi, jiġifieri ma tridx toqgħod tidħol fl-app store biex tniżżel l-app, imma tidħol qisek qed tfittex xi ħaġa onlajn, tikteb Inkontru.app, tidħol fiha u tibda tużaha. Prinċiparjament bħalissa pereżempju ssib dwar il-maltabiennale.art. Hemm l-avvenimenti kollha li qed isiru u s-siti li wieħed jista’ jżur, qiegħed hemmhekk u mbagħad għandek attivitajiet, bħal żfin, teatru, kant, festivals. Issa jibda ġej is-sajf, ħa jkun hemm il-festi fuq l-app.”