Madwar 200 familja li joqogħdu fiż-żona ta’ akkomodazzjoni soċjali, magħrufa bħala Ta’ Mlit fil-Mosta bbenefikaw minn żewġ proġetti ta’ riġenerazzjoni b’investiment ta’ aktar minn minn €2 miljun.
Dan tħabbar mill-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli, Roderick Galdes, waqt l-inawgurazzjoni tar-riġenerazzjoni tal-faċċati, il-bjut u l-komuni tal-appartamenti tal-housing tal-Gvern u l-inawgurazzjoni ta’ żona ġdida li se tkun qiegħda tintuża għar-rikreazzjoni minn mijiet ta’ residenti.
Il-proġett fiż-żona l-ġdida ta’ rikreazzjoni, li sar b’fondi mill-Fond għall-Iżvilupp Reġjonali, kien jikkonsisti f’riġenerazzjoni totali taż-żona, żieda fl-aċċessibbiltà permezz ta’ rampi, tħawwil ta’ siġar u sistema ta’ pannelli solari li se jkunu qed jiġġeneraw l-elettriku għal din iż-żona.
Dawn il-familji jingħaqdu mal-2,000 resident u 270 blokka li l-Awtorità tad-Djar fl-aħħar tliet snin irriġenerat b’investiment li jlaħħaq l-€10 miljun.
Il-Ministru Galdes enfasizza kif dawn il-proġetti jikkonfermaw ir-rieda tal-Gvern lejn il-komunitajiet għal kwalità ta’ ħajja aħjar lir-residenti.
Qal, “Hawnhekk kienet żona li kellha bżonn ukoll tingħata l-attenzjoni u fuq kollox dan l-aħħar hu li dorna l-blokki kollha tal-appartamenti, madwar tnejn u tletin blokka ta’ appartamenti li fihom gawdew mitejn familja, imma wkoll irranġajna ż-żona tal-madwar, anke f’żona mhux pedonali, imma landscaping aktar addattat għaż-żona li jinġabar l-ilma tax-xita fiha biex b’hekk anke ssaqqew is-siġar u jkollna riżorsa naturali importanti.”