Hekk kif ninsabu fil-perjodu tal-Ġimgħa l-Kbira, bdiet tittella’ wirja bl-Isem ta’ ‘SACRO Contemporaneo’, li tinkludi sittax-il pittura marbutin ma’ siltiet mir-rakkont tal-passjoni ta’ Kristu u qaddisin tradizzjonali.
L-esebizzjoni mill-artist Kurt Friggieri fil-Każin Nicolo Isouard, tal-Mosta, tikkonsist minn xogħol artistiku magħmul biż-żejt fuq it-tila, bit-teknika alla prima u bl-użu ta’ palette knife.
L-aktar pittura li tispikka hi dik relata mal-aħħar ċena, bl-isem ta’ ‘Novissima Cena’, filwaqt li hemm bosta aktar xogħlijiet li jpaxxu l-għajn fosthom dawk tar-Redentur, il-Kurċifiss, l-Irxoxt u d-Duluri, fost oħrajn.
L-artist tana rendikont fi ftit kliem ta’ x’tinkludi eżatt din il-wirja, filwaqt li stqarr ukoll kif f’ħafna mix-xogħlijiet li jpitter, jidħol ħafna fid-dettall tal-uċuh.
“L-isem tagħha hu sagru kontemporanju. Għażiltu għas-sempliċi raġuni li għal dawn iż-żminijiet tal-Ġimgħa l-Kbira, il-Ġimgħa Mqaddsa, u niġbor kollox f’sittax-il pittura li ovvjament għandhom il-passjoni ta’ Sidna Ġesù Kristu u siltiet mid-Duluri, Redentur, hawn ħafna diversi plus li hawn ukoll hawn qaddisin tradizzjonali.”
Kurt Friggieri – artist
Friggieri appella lil kulħadd biex jieħu l-opportunità u jżur din il-wirja mill-isbaħ, li fadlilha sal-Ġimgħa l-Kbira.