Ġiet introdotta funzjoni ġdida fit-Tallinja App hekk kif issa wieħed jista’ jsegwi fejn waslu l-karozzi tal-linja f’ħin reali.
Spjega dan fid-dettall ma’ ONE News id-Direttur Kummerċjali tal-Malta Public Transport, Daniel Grech, fejn tenna li din l-inizjattiva tipprovdi lill-passiġġieri informazzjoni dwar fejn qegħda l-karozza tal-linja li jridu jużaw u ħin ta’ kemm ikun għad fadal biex tasal fil-post magħżul.
Biex wieħed jaċċessa din il-karatteristika l-ġdida, hemm metodu sempliċi. L-utent jista’ jniżżel it-Tallinja App u jara l-mappa fejn tkun waslet il-karozza tal-linja li jrid jaqbad.
L-utenti ġodda kollha li jniżżlu Tallinja App se jkollhom din il-karatteristika l-ġdida integrata mill-ewwel, filwaqt li għal dawk li diġà għandhom it-Tallinja App, se jkunu meħtieġa jaġġornawha.
“Il-kumdità hi li persuna, apparti li qed tara x’ħin ġejja l-karozza tal-linja, issa għandha aktar serħan tal-moħħ li l-karozza tal-linja qegħda fil-viċin jew għad fadal biex tiġi, għax ovvjament jekk wieħed qed jistenna fuq il-bus stop u ma jistax jara l-karozza tal-linja fejn qegħda issa jista’ jkun jaf fejn qegħda u f’liema triq tinstab.”
Daniel Grech – Direttur Kummerċjali tal-MPT
Biex tiżgura użu faċli, il-kumpanija Malta Public Transport qed tipprovdi gwida pass pass fit-Tallinja App, dwar kif wieħed iniżżilha, jaċċessa din il-karatteristika u jutilizza l-funzjonijiet tagħha b’mod korrett.
Sadanittant Daniel Grech tenna li, f’dawn l-aħħar xhur, qed jaraw influss kbir fin-numru ta’ nies li qed iniżżlu t-Tallinja App u jilħaq id-disgħin elf fix-xahar.
Però aċċenna li t-tibdil mhuwiex biss f’dan l-aspett.
“Qegħdin nosservaw ukoll kambjament fil-mod ta’ kif qed jintuża s-servizz tat-trasport pubbliku, anke grazzi għal dawn l-għodda li l-passiġġieri, li għandhom f’idejhom bħalma hi t-Tallinja App, għax jekk il-persuna l-vjaġġ tagħha taqsmu u tbiddel il-karozza biex tasal għad-destinazzjoni tagħha taf tiffranka l-ħin milli toqgħod tistenna tal-linja diretta.”
Daniel Grech – Direttur Kummerċjali tal-MPT