Matul l-ewwel kwart tal-2016 reġa kien hemm tnaqqis fid-dipendenza soċjali. L-uffiċċju nazzjonali tal-istatistika juri kif, filwaqt li fit-tmiem l-ewwel sena ta’ din l-amministrazzjoni kien hemm 9,240 persuna li kienu jieħdu l-assistenza soċjali, tlett snin wara l-ammont ta’ nies dipendenti mill-assistenza soċjali naqas għal kważi 5,500.
Fi stqarrija l-Gvern ta’ Malta qal li dan it-tnaqqis qawwi ta’ kważi 40% seħħ f’sena fejn pajjiżna kellu tkabbir ekonomiku rekord u meta l-qgħad naqas għall-inqas livell mindu bdiet tinġabar l-istatistika.
L-andament eċċellenti fis-suq tax-xogħol huwa kkonfermat ukoll mill-fatt li dawk li jieħdu l-benefiċċju għall-qghad kif ukoll assistenza speċjali għal nies qiegħda waqgħu għal inqas minn 384 u 3,554 rispettivament. Fl-2013 kien hemm 2,694 u 6,119 persuna li kienu jikkwalifikaw għal dawn il-benefiċċji.
Li jfisser li, fi tlett snin, dawk dipendenti fuq dawn il-benefiċċji naqsu b’aktar min-nofs.
Skont l-NSO, fl-ewwel kwart tal-2016, kontra għal li kien iseħħ f’leġislaturi passati, l-ispiża fuq benefiċċji soċjali mhux kontributorji naqset. Fil–fatt, l-ispiża fuq benefiċċji soċjali mhux kontributorji fl-2016 kienet €7.1 miljun, jew 14%, anqas milli kienet fl-istess żmien fl-aħħar sena tal-amministrazzjoni preċedenti.
Permezz ta’ dan it-titjib, tkompli tgħid l-istqarrija tal-Gvern, din l-amministrazzjoni setgħet iddaħħal benefiċċji soċjali ġodda mingħajr ma żżid id-deficit. Fost l-oħrajn, fl-ewwel tlett xhur tal-2016, hemm 1,336 persuna li gawdew mill-In-Work Benefit. Kważi 2,100 persuna li qabel kienu fuq ir-reġistru tal-qgħad, illum ħarġu jaħdmu u għadhom jirċievu parti mill-benefiċċju li kienu jieħdu qabel.
Dan il-Gvern ser ikompli jaħdem biex inaqqas id-dipendenza soċjali u aktar nies jersqu lejn id-dinja tax-xogħol. Mill-bidu ta’ din is-sena, per eżempju, madwar 12,000 pensjonant qed igawdu mill-ewwel żieda fil-pensjoni aktar miż–żieda tal-għoli tal-ħajja, wara 25 sena.
Il-galbu fit-tmexxija ekonomika jfisser li fis-snin li ġejjin eluf oħra ta’ persuni fil-bżonn ser jingħataw id-dinjita li tixirqilhom.