Il-gazzetti Torċa rrapportat kif parir legali bil-miktub mogħti mill-Avukat tal-Istat lill-Gvern juri biċ-ċar li Malta qed tirrispetta l-Kostituzzjoni tagħha u prinċipju mħaddna fiha, jiġifieri n-newtralità u nonallineament.
Dan il-parir legali jgħid li bl-inklużjoni ta’ paragrafu li jisħaq fuq ir-rispett tal-politika għad-difiża u s-sigurtà ta’ stati membri oħra, Malta qed tirrispetta l-Kostituzzjoni meta taċċetta l-Konklużjonijiet tas-Summit tal-Kunsill Ewropew.
Fi Brussell, Malta permezz tal-Prim Ministru Robert Abela insistiet u rnexxielha ddaħħal żewġ paragrafi importanti li jirrispettaw u jissalvagwardjaw prinċipji fil-Kostituzzjoni Maltija, fosthom tan-newtralità. B’dawn jinsabu f’paragrafi ħamsa u dsatax.
Il-Kap tas-Segretarjat fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Glenn Micallef sostna li mingħajr il-parir legali tal-Avukat tal-Istat, li jgħid ċar u tond li l-konklużjonijiet jissalvagwardjaw il-Kostituzzjoni, Malta żġur qatt ma kienet tapprova l-konklużjonijiet.
Dwar dan irrapportat ukoll il-gazzetta MaltaToday, fejn intqal kif dan il-parir legali ġie mitlub mill-Kap tas-Segretarjat ftit jiem qabel is-Summit tal-Kunsill Ewropew.
Dan l-artiklu semma wkoll kif fil-konklużjonijiet hemm żewġ klawsoli li jitolbu għar-rispett tal-politika ta’ sigurtà u difiża.