Bis-saħħa tal-estensjoni tal-iskema ta’ għajnuna finanzjarja għall-ispejjeż addizzjonali għas-sajjieda, ħareġ kif disgħa u sebgħin fil-mija tas-sajjeda qed igawdu minn fuel sussidjat.
Dwar dan irraportat il-gazzetta KullĦadd, li qalet kif minn mitejn tmienja u tmenin sajjed rreġistrat mad-Dipartiment għas-Sajd u l-Akkwakultura, mitejn tmienja u għoxrin qegħdin igawdu minn fjuwil sussidjat.
Il-Gvern investa miljun ewro f’din l-inizjattiva matul din is-sena, tletin fil-mija aktar fuq l-ammont investit is-sena li għaddiet. Dan wassal biex mill-2022 ‘l hawn il-Gvern se jkun investa mat-tliet miljun ewro.
Sajjied li tkellem mal-gazzetta KullĦadd innota l-importanza ta’ din l-inizjattiva, hekk kif sostna li kieku ma kienx għal din l-għajnuna, lanqas kien ikun vijabbli għas-sajjieda biex joħorġu fuq il-baħar.
Dan is-sussidju hu biss inizjattiva waħda minn bosta li embarka fuqhom is-Segretarjat Parlamentari għas-Sajd, immexxi mis-Segretarju Parlamentari Alicia Bugeja Said, li qed jaħdem ukoll fuq, fost l-oħrajn, il-promozzjoni tal-prodott lokali fosthom bis-seminar ‘Ninvestu f’Saħħitna’ li jitfa’ dawl fuq il-benefiċċji nutrittivi tal-ħut fid-dietà tagħna.