Fil-gżira Għawdxija ngħata bidu għall-festival Gaulitana li ta’ kull sena jittella’ mal-bidu tal-istaġun tar-rebbiegħa u jippreżenta programm varjat ta’ kunċerti mifruxa fuq ħames ġimgħat f’diversi lokalitajiet madwar il-gżira.
Kif spjega magħna d-Direttur Mużikali tal-Festival, is-Surmas Colin Attard, il-qofol tal-edizzjoni ta’ din is-sena jintlaħaq bl-opra ferm maħbuba ta’ Puccini, La Bohéme, li ser issir nhar is-Sibt, 20 t’April. Din l-opra, b’direzzjoni artistika ta’ Enrico Castiglione u dik mużikali ta’ Colin Attard tifforma parti mill-OPERA+ Weekend, u qed tittella’ biex tiċċelebra l-mitt anniversarju mill-mewt ta’ Puccini, kif qed isir madwar id-dinja.
Qal, “Għal din il-produzzjoni se jkollna cast internazzjonali tajjeb ħafna u ħerqanin li ntellgħu produzzjoni oħra ta’ livell tajjeb ħafna. Naturalment aħna nmorru f’diversi siti madwar Għawdex u ta’ dan nirringrazzja lil kull min ikkolabora magħna u allura anke permezz ta’ dan nilħqu udjenza ġdida u kulħadd jattendi għal dak l-avveniment li jinteressaħ.”
Bil-għan li toħloq pjattaforma li tikkumplimenta l-kultura f’Għawdex, il-Festival Gaulitana joffri taħlita ta’ stili mużikali. Fost l-artisti lokali u internazzjonali nsibu lill-kitarrista Giorgio Albiani, li se jirritorna din id-darba ma’ Alberto Rullo – li rrekordja għar-RAI u Radio France, l-ensemble Forte Trio u Mei Guo, li jdoqq strument mużikali tipiku Ċiniz magħruf bħala l-Pipa.
Min-naħa l-oħra, il-kunċert vokali fil-weekend tal-Għid se jinkludi kant Rumen mill-Liturġija Ortodossa li se jinstema’ f’Għawdex għall-ewwel darba.
Gaulitana ser jittella’ bejn it-23 ta’ Marzu u l-21 t’April. Il-kunċerti huma kollha bla ħlas u mingħajr ħtiega li wieħed jirriserva postijiet.
Il-booking għall-opra La Bohéme jista’ jsir fuq www.teatruaurora.com jew permezz tat-ticket helpline 79045779.