Il-midja internazzjonali rrapportat bi prominenza l-aħbar li Malta u tliet pajjiżi Ewropej oħra qablu li jirrikonoxxu l-Palestina bħala Stat, meta l-kundizzjonijiet jippermettu dan.
Dan ġie deċiż waqt laqgħa li saret fil-marġini tal-Kunsill Ewropew, bejn il-mexxejja ta’ dawn l-erba’ pajjiżi, fosthom il-Prim Ministru Malti Robert Abela.
Fost is-siti tal-aħbarijiet internazzjonali li rrapportaw dwar dan, kien hemm is-sit Amerikan CNN. Hawnhekk ġie nnutat kif dan il-qbil seħħ għall-paċi u stabbiltà fir-reġjun bis-soluzzjoni hi dik ta’ żewġ stati.
Issemma kif il-Prim Ministru Malti, flimkien mal-mexxejja l-oħra qablu dwar waqfien mill-ġlied immedjat.
Is-sit Reuters irrapporta wkoll dwar dan, fejn intqal li din id-deċiżjoni bejn dawn l-erba’ pajjiżi tfisser paċi u stabbiltà.
Anki s-sit Al Jazeera rrapporta dwar dan, fejn intqal li l-Prim Ministru Spanjol Pedro Sanchez iddikjara li pajjiżu mistenni jirrikonoxxi lill-Palestina bħala Stat f’dawn l-erba’ snin. Ġie rrapportat kif dan il-qbil bejn Spanja, Malta, l-Irlanda u s-Slovenja jfisser il-paċi f’dan ir-reġjun.
Il-Euronews ppubblika dak li qal il-Prim Ministru Robert Abela fuq il-midja soċjali, fejn intqal li bħala erba’ pajjiżi qablu li jirrikonoxxu lill-Palestina bħala Stat. Intqal kif Malta flimkien ma’ pajjiżi Ewropej oħrajn bdew jirrikonoxxu d-dritt tal-Palestina li jkunu stat fit-tmeninijiet.
Sadanittant, mal-midja fi tmiem is-Summit tal-Kunsill Ewropew, il-Prim Ministru Robert Abela qal hekk.
Qal, “Morna pass oltre terġa’ minn permanent ceasefire, għedna li għandu jkun hemm ir-rilaxx tal-ostaġġi, għedna li għandu jkun hemm permanent ceasefire, però għall-ewwel darba ngħid li għedna wkoll li aħna nemmnu li għandna nirrikonoxxu li l-Palestina bħala stat, meta jseħħu ċerti kundizzjonijiet. Dak kien pass li nemmen li huwa bold ħafna, pass li huwa kuraġġuż ħafna. Imma nemmen li dak huwa s-sinjal li rridu nagħtu.”