Enemalta qed taħdem biex tkompli ttejjeb il-kwalità tas-servizzi tal-elettriku tagħha f’Għawdex, b’konnessjonijiet ta’ cables u substations ġodda u xogħlijiet oħra ta’ titjib fin-network.
Ħabbru dan il-Ministru għall-Enerġija u l-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri, li ddiskutew il-proġetti tad-distribuzzjoni tal-elettriku li għaddejjin f’Għawdex.
Bħalissa Enemalta qed tqiegħed cables ġodda ta’ 11-il kilovolt taħt l-art fin-Nadur u l-Bajja tax-Xlendi bħala parti minn proġett nazzjonali biex iżżid aktar minn 70 kilometru ta’ konnessjonijiet ġodda bejn ċentri tad-distribuzzjoni u substations li jipprovdu l-elettriku lil lokalitajiet differenti madwar il-pajjiż. Il-proġett se jinkludi wkoll xogħlijiet simili fuq cables ġodda fix-Xagħra, li se jibdew fix-xhur li ġejjin.
Permezz ta’ dawn il-konnessjonijiet ġodda, Enemalta qed iżżid il-kapaċità, ir-reżiljenza u l-flessibbiltà tas-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku, biex tnaqqas ir-riskju ta’ interruzzjonijiet fin-network filwaqt li tnaqqas il-ħin li fih tingħata lura l-provvista meta jinqalgħu diffikultajiet bħal dawn.
Il-Ministru Miriam Dalli spjegat li dan it-titjib huwa essenzjali fil-ħidma lejn servizz tal-elettriku ta’ kwalità ogħla għall-familji u n-negozji f’Għawdex.
Qalet, “Qed nitkellmu dwar aktar minn 70 kilometru ta’ cables li qed jitqiegħdu f’Malta u Għawdex biex naraw li nkunu qed insaħħu s-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku tal-pajjiż kollu kemm hu. Apparti t-tqeigħd ta’ cables hawnhekk f’Għawdex qed naraw li nagħmlu substations ġodda kif ukoll qed jiġu rinfurzati oħrajn eżistenti.”
Il-Ministru Clint Camilleri spjega li bħalissa Enemalta għaddejja b’diversi xogħlijiet f’Għawdex biex tissaħħaħ is-sistema tad-dawl fil-gżira Għawdxija.
Qal, “Se nkunu għaddejjin b’dawn il-proġetti konġunti sabiex l-aħħar mill-aħħar naraw li r-residenti ġewwa Għawdex ikollhom sistema u saħħa ta’ dawk aħjar, però aktar minn hekk ukoll f’każijiet ta’ inċidenti se jkun hemm ukoll il-possibilità li jinqalbu s-circuits fis-sistema tad-dawl biex taħdem b’mod aktar effiċjenti.”