Il-Federazzjoni Maltija tat-Tassidermija qed tospita r-raba’ kompetizzjoni nazzjonali tagħha flimkien mal-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti, l-FKNK, u l-Ewroparlamentari Laburista Alex Agius Saliba.
L-attività mifruxa fuq tlett ijiem sal-Ħadd 24 ta’ Marzu qed tittella’ fis-Sala Renaissance fil-Montekristo Estate, Ħal Farruġ, u l-viżitaturi se jkunu jistgħu jsegwu mill-qrib xogħlijiet ta’ bosta balzmaturi lokali, fost attivitajiet għall-familja kollha.
Bħala parti minn din l-attività, is-Sibt ittellgħu wkoll tliet workshops dwar l-arti tal-ibbalzmar; il-kaċċa u l-isfidi tagħha fil-livell Ewropew; u l-gastronomija kulturali b’identità lokali.
Fl-inawgurazzjoni ta’ din il-kompetizzjoni, l-Ewroparlamentari Agius Saliba faħħar it-talent Malti u Għawdxi fejn jidħol l-ibbalzmar.
Stqarr, “Matul tmiem din il-ġimgħa għandna festa ta’ kultura u t-tradizzjoni Maltija, il-kapaċità li għandhom tant Maltin u Għawdxin fejn tidħol l-arti tal-ibbalzmar li mhijiex qed tiġi rikonoxxuta biss fuq bażi lokali llum il-ġurnata, imma hi rikonoxxuta wkoll fuq bażi internazzjonali. Fl-aħħar mill-aħħar hi okkażjoni biex flimkien niddiskutu din il-kultura u din it-tradizzjoni.”
Intant waqt l-istess inawgurazzjoni, il-President tal-Federazzjoni Maltija tat-Tassidermija, David Falzon, stqarr kif tul iż-żmien l-ibbalzmar qed jagħmel avvanzi kbar.
Sostna, “Waħda mis-snin rekord li pparteċipaw ħafna esebituri bit-tjur taħhom kienet waħda tajba ħafna fejn snin oħra. Qed jidher li l-livell tal-ibbalzmar qed imur aktar ’il quddiem.”