Infrastructure Malta lestiet faċilitajiet ġodda għall-passiġġieri bil-baħar fix-xatt ta’ Tas-Sliema.
Fi stqarrija mill-aġenzija, intqal kif din il-faċilità se tkun qed tipprovdi kenn mill-elementi lill-passiġġieri. Fil-faċilità hemm ukoll kamra żgħira minn fejn wieħed ikun jista’ jaqta’ l-biljetti fost kumditajiet oħrajn li se jżidu s-sigurtà u l-aċċessibbiltà tal-passiġġieri.
Minbarra dawn il-faċilitajiet, tlestiet ukoll struttura kumplessa tal-moll b’passarelli mekkanizzati biex il-passiġġeri jirkbu u jinżlu mil-laneċ b’mod aktar sigur. Din l-istruttura,li għandha l-kapaċità tilqa’ laneċ tal-baħar sa erbgħin metru, tagħmilha possibbli li l-laneċ ma jkollhomx għalfejn jintrabtu mal-moll u b’hekk it-tlugħ u l-inżul jsir b’aktar effiċjenza.
Dan il-proġett hu simili għal dak li diġà tlesta f’Bormla b’investiment ta’ ħames miljun ewro ko-finanzjati mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, l-ERDF.