Il-Kunsill Lokali tal-Isla implimenta proġett favur l-inklużjoni soċjali permezz ta’ fondi min-Norveġja u fondi lokali. Ħabbru dan is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali, Alison Zerafa Civelli, is-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva, Malcolm Paul Agius Galea, u s-Sindku tal-lokalità, Clive Pulis, waqt li indirizzaw konferenza f’għeluq il-programm għal proġett “Promoting Social Inclusion in Isla”.
Biex jinkiseb l-għan tal-inklużjoni soċjali, il-proġett kien jinkludi diversi elementi differenti, fosthom ix-xiri ta’ laptops ġodda, virtual reality set, projector u defribilator. Ġie installat ukoll stair lift għal aktar aċċessibbiltà fil-binja tal-Kunsill Lokali u kif ukoll post ieħor li jservi fil-ħtiġijiet taċ-Ċentru ta’ Matul il-Jum għall-anzjani li għadhom jgħixu fil-komunità.
Dan il-proġett kien jinkludi wkoll l-organizzazzjoni ta’ diversi korsijiet immirati għal persuni ta’ kull età li ngħataw minn kelliema speċjalizzati.
Is-Sindku tal-Isla qal li permezz ta’ dan il-proġett, residenti li, għal raġunijiet varji kienu esklużi mis-soċjetà, kellhom l-opportunità li jintegraw irwieħhom u jissoċjalizzaw ma’ persuni oħrajn.
“Għamilna taħriġ ta’ korsijiet għall-anzjani, għaż-żgħażagħ u tfal Sengleani kif ukoll attrezzajna s-sala tal-Kunsill Lokali biex, fiż-żmien li ġej, inkompli nagħmlu dawn il-korsijiet għar-residenti kollha.”
Is-Segretarju Parlamentari Zerafa Civelli faħħret l-impenn tal-Kunsill Lokali tal-Isla biex inkisbu l-fondi għal dan il-proġett.
“Permezz tal-elementi differenti u attivitajiet diversi f’dan il-programm il-Kunsill Lokali tal-Isla għaraf jindirizza l-inklużjoni soċjali fil-lokalità tiegħu.”
Is-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva Agius Galea qal li dan il-proġett ippromwova l-inklużjoni soċjali f’din il-lokalità.
“Inkunu qegħdin naħdmu b’kollaborazzjoni mal-kunsilli tagħna u l-anzjani, filwaqt li jmorru f’dawn il-postijiet ikunu qed jitgħallmu u jkollhom kwalità ta’ ħajja aħjar.”