Fl-Università ta’ Vjenna, il-President tal-Parlament Ewropew u Ewroparlamentari Nazzjonalista Roberta Metsola sabet ma’ wiċċha protesti għall-pożizzjoni tagħha dwar il-Gwerra f’Gaza.
Waqt laqgħa li kellha ma’ studenti tal-Fakultà tal-Liġi f’din l-università Awstrijaka, studenti għaddew messaġġi favur il-ħelsien tal-Palestina, waqt li rrimarkaw kif Metsola stess għandha d-demm tal-innoċenti fuq idejha.
Rapporti internazzjonali juru studenti jistaqsuha għaliex l-Unjoni Ewropea mhix tagħmel biżżejjed fil-każ ta’ Gaza u l-għajnuna umanitarja li hi meħtieġa u għax qed jintbagħtu l-armi lejn Iżrael.
Jirriżulta li, preċedentement, mistoqsijiet lil Metsola li kellhom jiddaħħlu minn qabel, ġew iċċensurati mill-moderaturi tal-laqgħa fejn ġustament ittrattaw il-kwistjoni fil-Lvant Nofsani.
Dan qanqal ir-rabja fost l-istudenti, li biddlu l-attività f’dimonstrazzjoni kontra Metsola u l-pożizzjoni tagħha dwar Gaza u qamu jipprotestaw u jferrxu fuljetti dwar il-ġenoċidju li qed iseħħ.
Waqt li Metsola lanqas biss irreaġixxiet jew wieġbet għall-mistoqsijiet pertinenti li sarulha, uffiċjali tas-sigurtà ħarġu lill-istudenti ’l barra mis-sala, waqt li ssejħu anke pulizija u suldati fuq il-post.
Din mhix l-ewwel kundanna u protesta lejn l-istituzzjoni u anke kontra l-President tagħha, Roberta Metsola, hekk kif fi mifruxin madwar l-Ewropa kollha, inkluż barra l-Parlament Ewropew, ġew akkużati li huma responsabbli għall-massakru f’Gaza.
Ftit jiem wara l-attakk tas-sebgħa ta’ Ottubru li għadda mill-Hamas fuq il-parti Iżraeljana, Metsola u l-President tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula von der Leyen, laqqtu kritika ħarxa wara li minn jeddhom u bla approvazzjoni tal-istess istituzzjonijiet li jmexxu marru l-Lvant Nofsani biex jagħtu l-barka lill-militar Iżraeljan.
Bħall-istudenti Awstrijaki, f’Novembru li għadda, fi żjara fl-MCAST f’Raħal Ġdid, Roberta Metsola ntlaqgħet minn grupp ta’ studenti li akkużawha li hi responsabbli għall-ġenoċidju mwettaq fuq il-Palestinjani f’Gaza.
Dakinhar Metsola spiċċat ħarbet mill-istudenti u l-ġurnalisti billi ħarġet mill-garaxx taħt l-art tal-istess kulleġġ.
Meta fl-aħħar jiem indirizzat ukoll lill-istudenti tal-Fakultà tal-Liġi fl-Università ta’ Malta, fejn kienu mġiegħela jattendu waqt li l-lezzjonijiet tħassrulhom, Metsola wkoll ħarbet minn mistoqsijiet ta’ dan l-istazzjon dwar il-ksur tal-liġi mill-Partit Nazzjonalista, li tagħmel parti minnu, fejn jidħlu l-finanzi tiegħu u d-donazzjonijiet li jirċievi.