L-għaqda volontarja CORE Platform, stabbilixxiet il-Malta Diversity & Inclusion Charter b’għajnuna finanzjarja ta’ €20,000 mill-fond VOPS amministrat mill-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat, bl-għan li jitrawmu iżjed il-valuri tad-diversità u l-inklużjoni f’diversi setturi.
It-tnedija ta’ l-istess charter tħabbret mill-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat, Julia Farrugia Portelli, u s-Segretarju Parlamentari għall-Ugwaljanza u r-Riformi, Rebecca Buttigeg, fil-preżenza tal-President tal-għaqda CORE Platform, Helga Ellul.
Id-Direttorat tad-Drittijiet tal-Bniedem hi l-ewwel entità pubblika li se tappoġġja u tiffirma ċ-Charter għat-tliet snin li ġejjin, filwaqt li l-Bank APS se jkun l-ewwel entità kummerċjali lokali li jagħmel dan.
Dan iċ-charter jinkludi fih miżuri bħall-implimentazzjoni ta’ prattiċi tar-riżorsi umani fejn id-diversità titpoġġa fiċ-ċentru tal-operat u fejn l-inklużjoni tiġi enfasizzata mal-impjegati kollha.
Fid-diskors tagħha, il-Ministru Farrugia Portelli faħħret l-inizjattiva, filwaqt li enfasizzat il-bżonn ta’ aktar inklużjoni fuq il-post tax-xogħol.
Stqarret, “Dan huwa l-ewwel diversity charter f’pajjiżna li qed jibgħat messaġġ b’saħħtu, mhux biss bħala Gvern, imma wkoll bħala soċjetà inġenerali li rridu li jkollna soċjetà b’saħħitha fejn għandu x’jaqsam inklużjoni u d-diversità fejn kulħadd hu aċċettat, kulħadd għandu jkollu drittijiet għal fehmiet differenti, imma fl-aħħar mill-aħħar il-postijiet tax-xogħol b’mod partikolari li qegħdin iħaddnu dan il-ħsieb u dan il-valur. Kien ta’ pjaċir tagħna li nagħtu għoxrin elf ewro b’fondi li ħarġu mill-Kunsill Malti għall-għaqdiet volontarji biex dan l-ewwel charter ikun jista’ jidħol fis-seħħ.”
Min-naħa tagħha, is-Segretarju Parlamentari Buttigieg stqarret li dan iċ-charter, li kien imwiegħed fil-manifest elettorali tal-Gvern, ikompli mal-kullana ta’ inizjattivi favur l-inklussività u d-diversità fil-mixja kontinwa biex jinbidlu ċerti mentalitajiet.
Sostniet, “Il-launch ta’ Diversity Charter illum ifisser li qegħdin inwettqu miżura oħra tal-manifest ‘Malta Flimkien’, fejn flimkien mal-Ministru Julia Farrugia Portelli qed nassiguraw li, bħala Gvern, qed nibgħatu messaġġ ta’ ugwaljanza u inklużjoni mhux biss fuq il-post tax-xogħol, iżda anke f’postijiet oħrajn biex nassiguraw li l-ugwaljanza nipprattikawha fil-ħajja ta’ kuljum.”